Pentekoste ġdid fuq ix-xefaq, hekk kif jifdalbiss 100jum għaċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Madrid fi Spanja. Il-Kardinal Antonio Ruoco Varela appella għall-aħħar sforz fit-tħejjijiet għall-avveniment il-kbir bejn is-16 u l-21 t’Awwissu.
“Ma nqasniex milli nitħejjew u nuru disponibilita spiritwali u pastorali sabiex il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Madrid mal-Papa,akkumpanjat mill-Isqfijiet u s-saċerdoti mid-djoċesijiet tad-dinja, ikun għal darb’oħra okkażjoni providenzjali għal laqgħa profonda u awtentika ma’ Kristu, is-Salvatur li jsejjaħ liż-żgħażagħ fil-Knisja sabiex ħajjithom ikollha lil Kristu fl-għeruq – verita, tama u mħabba”.
Il-Kardinal esprima ottimiżmu lejn żmien ta’ grazzja minn Alla permezz tal-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja u ż-żgħażagħ – bħal Pentekoste ġdida li ġġedded il-qlub.
Il-Kardinal Varela tkellem dwar il-‘potenzjal evanġeliku enormi’ tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, mill-istess kariżma appostolika tal-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II.
Il-Ħadd li għadda saret attivita b’radd ta’ ħajr lill-voluntiera għall-ħidma sfieqa tagħhom bi tħejjija għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Il-kor u l-orkestra li se jagħtu l-wirja tagħhom f’Awwissu, għamlu l-ewwelprova.
Il-Kardinal Varela appella lill-fidili f’Madrid sabiex jippreparaw biex jagħtu merħba lill-ammont kbir ta’ pellegrini li se jkunu bi ħġarhom fi Spanja għal dan l-avveniment dinji. S’issa rreġistraw mat-340,000 pellegrin minn 170 pajjiż.