Osama Bin Laden

Wara l-aħbar tal-qtil tal-mexxej tal-Al-Qaeda Osama Bin Laden, il-moħħ wara l-attakk terroristiku tal-11 ta’ Settembru li ħalla aktar minn 3,000 persuna mejta, il-Vatikan innota ċ-ċelebrazzjonijiet li saru u sejjaħ għal riflessjoni, iktar milli ċelebrazzjoni.

Il-President Amerikan Barack Obama ħabbar nhar it-Tnejn, li tijm ta’ Amerikani eliminaw f’attakk lil Bin Laden fil-Pakistan.

Id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, il-Ġiżwita Federico Lombardi, qal fi stqarrija li “nisrani qatt ma jiċċelebra l-mewt ta’ xi ħadd”.

Kompla li Bin Laden ħa responsabbilta ta’ atti gravi li xerrdu sens ta’ qasma u mibgħeda fost il-popli, saħansitra b’manipulazzjoni tar-reliġjon għal dik l-istess fini. “Il-mewt tiegħu hi opportunita ta’ riflessjoni dwar ir-responsabbilta ta’ kull bniedem, quddiem Alla u quddiem l-umanita li għaliha jappartjeni”.

Patri Federico Lombardi żied jittama li “l-qtil ta’ Bin Laden ma jkunx okkażjoni oħra li tinsitga mibgħeda, minflok paċi.”

Skont il-Pentagon, il-ġisem bla ħajja ta’ Bin Laden intefa’ fil-baħar skont r-ritwali tradizzjonali islamiċi fil-każ ta’ funeral.