Mexxejja tal-Knisja f’Maharashtra ingħaqdu bil-vuċi tagħhom ma’ movement li qed jopponi diversi proġetti nukleari proposti f’dan l-Istat, inkluż dak li hu maħsub li jkun l-ikbar impjant nukleari fid-dinja.

L-Isqof Alwyn Barreto ta’ Sindhudurg, qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet UCA News, li “ma rridux li fl-Indja jseħħ diżastru nukleari bħal Chernobyl jew kriżi bħal ta’ Fukushima”. Hu qal li ċ-ċentru djoċesan għall-azzjoni soċjali organizza laqgħat maħsuba biex jedukaw nies  dwar il-konsegwenzi ta’ inċident nukleari fuq ir-reġjun tal-punent tal-kosta. Il-Gvern Indjan qal li jippjana li fis-sessjoni parlamentari li jmiss jintroduċi abbozz biex tinħoloq awtorita nukleari regolatorja li tkun indipendenti u awtonoma. Dan qabel ma jibda l-bini  tas-sitt reattur Jaitapur f’Madban, li jiswa 10 biljun dollaru Amerikan. Dan hu biss wieħed minn proġetti tali ippjanati fuq il-firxa ta’ 120 mil tul il-baħar Għarbi.