Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali ddedikat lill-Familja, li ser jiġi ċċelebrat fil-15 ta’ Mejju, il-Kummissjoni Djoċesana Familja flimkien mas-Segreterija Pastorali tal-Knisja f’Malta qed jorganizzaw attivita’ ta’ ġurnata għall-familji Maltin kollha, fil-kumpless u l-grounds tal-Malta Fairs & Conventions Centre (MFCC), Ta’ Qali.

Id-dettalji ta’ din l-attivita’ ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Kurja tal-Arċisqof, u li ġiet indirizzata mill-President tal-Kummissjoni Djoċesana Familja, Dr Rita Borg Xuereb, u mis-Sur Edmond Apap u s-Sinjura Mariosa Micallef, membri tal-kumitat organizattiv.

L-attivita’ li qed tiġi organizzata din is-sena ngħatat l-isem ‘Pass hi+hu’, b’referenza għall-logħba tradizzjonali tal-Passju. Dan biex jirrifletti li s-sbuħija tal-esperjenza taż-żwieġ u l-familja tibda mill-pass li jagħmlu raġel u mara lejn xulxin u l-pass li jkomplu jagħmlu flimkien bħala miżżewġin fil-familja.

Dakinhar tal-15 ta’ Mejju ser jiġu organizzati diversi attivitajiet għall-familja kollha: koppji, tfal, żgħażagħ u anzjani. Il-ġurnata ser tibda fid-9.00 ta’ filgħodu b’Quddiesa ċċelebrata mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. Din ser tkun animata mis-seminaristi u studenti reliġjużi peress li dakinhar huwa wkoll Jum il-Vokazzjonijiet. Wara l-Quddiesa ser jittella’ programm varjat madwar it-tinda l-kbira tal-MFCC, li jinkludi logħob ghat-tfal, spettaklu u wirjiet minn diversi gruppi lokali, servizz ta’ konsulenza u ta’ appoġġ għall-familja mil-Moviment ta’ Kana, servizz tal-għoti tad-demm permezz tal-Blood Donation Unit, promozzjoni tal-kampanja ambjentali ‘34U’, u bejgħ ta’ ikel u xorb biex il-familji jkunu jistgħu jibqgħu f’dan l-ambjent matul il-ġurnata kollha. Wara nofsinhar, l-Arċisqof Pawlu Cremona ser jiltaqa’ mal-familji preżenti billi fl-4.00 jibda programm animat b’mużika ‘live’, qsim ta’ esperjenzi u messaġġ mill-Arċisqof.

Iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Familja li titfakkar f’diversi pajjiżi madwar id-dinja għandha l-għan li tqajjem kuxjenza u għarfien dwar is-sbuħija taż-żwieġ u l-importanza tal-familja.

Agħfas fuq ir-ritratti biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]