Il-Vatikan ħabbar l-iskeda tal-vjaġġ appostoliku li l-Papa se jagħmel fil-Kroazja bejn ir-4 u l-5 jum ta’ Ġunju li ġej fl-okkażjoni tal-Jum Nazzjonali ddedikat lill-familji kattoliċi fil-pajjiż. Il-Papa huwa skedat jitlaq mill-ajruport ta’ Fiumicino fid-9.30am nhar l-4 ta’ Ġunju, u jasal fl-ajruport internazzjonali ta’ Żagreb fil-Kroazja fil-11am. Hemm issir iċ-ċerimonja ta’ merħba mal-wasla tiegħu.

Il-Papa jgħaddi mbagħad biex jagħmel żjara ta’ kortesija lill-President Kroat fil-Palazz Presidenzjali u wara jiltaqa’ mal-Prim Ministru tal-pajjiż fin-Nunzjatura Appostolika fis-1.50pm. Filgħaxija, fis-6.15pm, fit-Teatru Nazzjonali Kroat li jinsab f’Żagreb, il-Papa se jiltaqa’ ma’ rappreżentanti tas-soċjeta ċivili, mill-kamp politiku, akkademiku, kulturali, mid-dinja tan-negozju, kif ukoll mill-korp diplomatiku u  mill-qasam reliġjuż. Wara, fis-7.30pm jippresiedi Vġili ta’ talb maż-żgħażagħ Kroati fil-pjazza Ban Josip Jelacic.

L-għada, il-Jum Nazzjonali ddedikat lill-familji kattoliċi tal-Kroazja, il-Papa jippresiedi quddiesa fl-10.00am fil-Hippoodrome ta’ Zagreb. Wara ikollu ċena mal-Isqfijiet Kroati fl-Uffiċċju tas-Segretarju tal-Kunsill Episkopali Kroat. Fil-5pm jmexxi l-Vespri mal-Isqfijiet, mas-saċerdoti, mar-reliġjużi u s-seminaristi tal-pajjiż.

Fil-katidral ta’ Żagreb, iddedikat għall-Assunzjoni tal-Imqaddsa Marija dejjem Verġni u għal San Stiefnu, Benedittu XVI se jitlob fuq il-qabar ta’ Beatu Alwiġ Viktor Stepinac, li kien  l-Arċisqof ta’ Żagreb bejn l-1937 u l-1960. Il-Kardinal kien maqtul mir-reġim komunista ta’ Josip Tito u miet martri.

Il-Papa mbagħad jiltaqa’ mal-Arċisqof attwali, il-Kardinal Josip Bozanic fir-residenza Arċiveskovili u fis-7.15pm jħalli l-Kroazja fi triqtu mill-ġdid lejn Ruma.