Pope in Easter Celebrations

Quddiem ġemgħa ta’ eluf ta’ pellegrini ixejru l-palm fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan biex ifakkru d-dħul trijonfali ta’ Ġesu f’Ġerusalemm, il-Papa Benedittu XVI staqsa jekk is-simboliżmu tal-liturġija ta’ Ħadd il-Palm saritx xi ‘ritwal’ li ma baqax żmienu.

It-tweġiba, qal il-Papa, tista’ tinftiehem biss jekk wieħed “ikun ċar dwar dak li xtaq jagħmel u fil-fatt għamel Ġesu”. B’dan il-mod il-Papa fetaħ l-omelija waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm. B’din, il-Papa, li nhar is-Sibt għalaq 84 sena, beda ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Dwar id-dħul solenni ta’ Ġesu f’Ġerusalemm, il-Papa nnota li “Hu kien jaf x’hemm jistennieh – ried isir hu l-ħaruf tas-sagrifiċċju billi jagħti ħajtu fuq is-salib”.

“Kien jaf li bir-rigali tal-ħobż u l-inbid hu ried jagħti lilu nnifsu lil ta’ madwaru u eventwalment jiftaħ għalihom il-bieb tal-ħelsien u l-għaqda dejjiema ma’ Alla”. Fi kliemu, l-għan aħħari tal-pellegrinaġġ tiegħu kien li jqarreb lill-bniedem lejn Alla. Żied li l-purċissjoni ta’ Ħadd il-Palm tmur lil hinn fil-profondita tal-messaġġ. “Aħna lkoll, flimkien ma’ Kristu, qed inħejju l-mixja tal-pellegrinaġġ tagħna biex naslu għan Alla nnifsu”.

Intant, il-Papa Benedittu XVI, sellem liż-żgħażagħ b’bosta lingwi u stedinhom għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Madrid fi Spanja f’Awwissu li ġej.