Skont il-Kardinal Antonios Naguib, Patrijarka Kattoliku Kopt ta’ Alessandria, “il-korruzzjoni, il-faqar, il-kriżi soċjali u l-atmosfera politika soffokanti, kienu l-kawżi ewlenin tad-dimostrazzjonijiet fil-25 ta’ Jannar li għadda fl-Eġittu. Kienu dawk id-dimostrazzjonijiet li qajmu ‘moviment ta’ tiġdid’ fost iż-żgħażagħ fi Pjazza Tahrir”.

Meta kien qed jindirizza lill-Isqfijiet tal-COMECE, li qed jiltaqgħu f’Assemblea Pleanrja fi Brussell u ffukati fuq il-Knejjes tal-Maghreb u Lvant Nofsani, il-Kardinal wissa dwar ir-riskju li “l-Musulmani jistgħu jaħtfu dan il-qawmien ta’ tiġdid minn idejn iż-żgħażagħ Eġizzjani. Bid-differenza għall-Musulmani, il-moviment taż-żgħażagħ m’għandux mexxej uffiċjali u m’għandux l-istrutturi meħtieġa”.

Skont il-Kardinal, element riskjuż għalt-tranżizzjoni demokratika fl-Eġittu huwa d-dibattitu dwar artiklu 2 tal-Kostituzzjoni, li jgħid li s-sors ewlieni tal-liġi hi l-Liġi Iżlamika. F’dan ir-rigward tkellem favur id-demokrazija u esprima wkoll tħassib dwar il-mod kif ċertu ideat se jkunu possibilment qed jitpoġġew fil-prattika għall-Kostituzzjoni tal-ġejjieni.