Fr Cyril Axelrod, persunaġ magħruf internazzjonalment fil-qasam tal-persuni nieqsa mis-smigħ u mid-dawl se jżur Malta bejn is-7 u s-16 ta’ April, 2011, bħala l-mistieden tat-Tim Pastorali għall-Persuni Neqsin mis-Smigħ (Deaf Ministry Team) fi ħdan il-Kummissjoni Djoċesana għall-Persuni b’Diżabilita.  Fr Cyril kien l-ewwel persuna kattolika fid-dinja li twieled b’nuqqas ta’ smigħ u sar saċerdot u li wara tilef id-dawl ukoll.

Fil-ktieb tiegħu And The Journey Begins, Fr Cyril li twieled fl-Afrika t’Isfel fi ħdan familja Ortodossa Lhudija, jirrakkonta kemm fit-tfulija tiegħu kien isibha diffiċli biex jikkomunika saħansitra mal-ġenituri tiegħu.  Iżda bil-għajnuna tal-Lingwa tas-Sinjali hu kien irnexxielu jieħu edukazzjoni tajba bħal ħaddieħor.  Meta kiber iddeċieda li jitgħammed fi ħdan il-Knisja Kattolika u wara beda l-istudju tiegħu għas-saċerdozju.

F’dan il-ktieb huwa jitkellem dwar il-ħidma pastorali tiegħu fost il-persuni nieqsa mis-smigħ u l-persuni nieqsa mid-dawl u mis-smigħ u kif tgħallem tmien lingwi tas-sinjali indiġeni.  Fi żmien l-Apertheid hu rnexxielu jwaqqaf skola fi Soweto għal persuni ta’ razez differenti li kienu nieqsa mis-smigħ.  Waqqaf ukoll hostel fi Pretoria għal persuni nieqsa mis-smigħ li ma kellhomx dar, kif ukoll ċentru ta’ taħriġ għad-dinja tax-xogħol għall-persuni nieqsa mis-smigħ f’Cape Town.

Wara li kien għalaq l-erbgħin sena t-tobba qalulu li kellu l-Usher Syndrome, kundizzjoni li kellha twasslu biex bil-mod il-mod jitlef id-dawl kif fil-fatt ġralu.  Minkejja dan Fr Cyril qatt ma qata’ qalbu u llum qed jaħdem fl-Ingilterra fost il-persuni nieqsa mis-smigh u li bħalu huma għomja wkoll.

F‘intervent li għamel waqt Konferenza Internazzjonali dwar il-Persuni Nieqsa mis-Smigħ fil-ħajja tal-Knisja, li nżammet fil-Vatikan f’Novembru tal-2009, Fr Cyril saħaq li l-Kultura tal-persuni nieqsa mis-smigħ kif ukoll il-Lingwa tas-Sinjali għandhom iservu bħala pont ta’ komunikazzjoni bejn il-persuni nieqsa mis-smigħ u l-Knisja għall-messaġġ ta’ Alla li hu messaġġ ta’ mħabba u tama.  Huwa saħaq li l-Lingwa tas-Sinjali għandha tkun Lingwa oħra rikonoxxuta mill-Knisja.  Meta l-Knisja tuża wkoll il-Lingwa tas-Sinjali biex twassal il-messaġġ tagħha hija tkun qed turi rispett u appoġġ lejn il-persuni nieqsa mis-smigħ.  Min naħa tagħhom il-persuni nieqsa mis-smigħ ikunu jistgħu jħossuhom verament inklużi fi ħdan il-komunita nisranija.

L-attivitajiet prinċipali li se jigu organizzati waqt iż-żjara ta’ Fr Cyril f’Malta u li jkunu bl-Ingliż, jinkludu:

* It-tmexxija ta’ rtir fis-Seminarju tal-Arċisqof bejn il-ġimgħa 8 u l-Ħadd 10 ta’ April 2011. It-tema ta’ dan l-irtir uniku se tkun: Touching Jesus in your heart (Tmiss lil Ġesu fil-qalb tiegħek). Dan l-Irtir se jkun miftuħ għal kulħadd bi preferenza għall-persuni nieqsa mis-smigh u persuni nieqsa mid-dawl.

* It-Tlieta 12 ta’ April huwa se jmexxi  Q&A Evening fil-kappella tal-Università ta’ Malta fit-8.00pm, lejla li se tkun miftuħa għall-pubbliku ġenerali.  Huwa mistenni li jaqsam l-esperjenza tiegħu bħala qassis nieqes mis-smigħ u nieqes mid-dawl.

Il-Ġimgħa 15 ta’ April, f’Jum id-Duluri huwa se jqaddes quddiesa fid-Deaf Club, 45, Lascaris Wharf, il-Belt Valletta fit-8.00pm.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jibgħat email fuq [email protected] jew [email protected]