Cardinal Wuerl

Il-Kardinal f’Washington Donald W. Wuerl jgħid li minħabba li l-materjaliżmu, is-sekulariżmu u l-individwaliżmu qed isawru l-kultura tas-soċjeta tal-lum, il-kattoliċi jeħtieġu jipparteċipaw b’mod attiv fl-isforzi tal-Knisja għal evanġelizzazzjoni ġdida biex jasal il-messaġġ tal-Vanġelu.

F’indirizz fl-Universita Kattolika tal-Amerika, il-Kardinal qal li “dan hu żmien li matulu wieħed jeħtieġ jisma u jifhem x’bażi u x’pedament se jagħżel biex fuqu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu”. L-influwenzi sottili tal-materjaliżmu, tas-sekulariżmu u tal-individwaliżmu, fisser li “meħtieġ jitwarrbu qabel ma wieħed jiżra ż-żerriegħa tal-fidi”.

It-tema tal-indirizz tal-Kardinal Wuerl lill-Kavallieri tal-Kolomba, kien ifformulat fil-mistoqsija ‘Why the New Evangelization Now?’ – ‘L-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida: Għaliex Issa?’ Meta kkwota lill-Papa Benedittu XVI, il-Kardinal qal li l-evanġelizzazzjoni l-ġdida hi “sforz biex wieħed jipproponi mill-ġdid il-Vanġelu – x’wieħed għandu jagħmel u kif jesprimi l-fidi – lil dawk li jkollhom il-fidi li pero ma tkunx tagħmel sens għalihom

Il-Papa, f’Ġunju li għadda ħabbar it-twaqqif tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni mġedda lil dawk li qed jgħixu f’soċjeta karatterizzata minn sekularizzazzjoni progressiv.

Xahrejn wara, il-Kardinal poġġa dak li talab il-Papa f’Ittra Pastorali intitolata “Dixxipli ta’ Kristu:B’viżjoni waħda”. Kien propju hawn li elenka l-viżjoni għal evanġelizzazzjoni ġdida.  Ħeġġeġ lil dawk kollha li jemmnu sabiex iħeġġu lil xulxin jisimgħu  mill-ġdid, forsi anki għall-ewwel darba, l-istedina mqanqla ta’ Kristu – ‘Ejja u Imxi Warajja’.