• 

     

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     


  • Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    6 ta’ Jannar 2019

    “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tiela’ u ġejna nqimuh” (Mt 2:2).  Din hija domanda li hemm fil-qalb ta’ kull bniedem. Kull bniedem, kultant mingħajr ma jaf, jagħmel l-esperjenza kontinwa ta’ dan l-għatx, ta’ din is-sejħa, ta’ din il-mistoqsija: “Fejn hu dka li twieled sultan tal-Lhud?” 


    It-tagħlima li jagħtuna s-slaten maġi

    Il-maġi, li jsemmi l-evanġelista San Mattew, jaraw kewkba tiela’ u jirrealizzaw bix-xjenza tagħhom li din hija fenomenu speċjali, sinjal, huma jsejħulha l-kewkba tas-sultan tal-Lhud. U jibdew vjaġġ, vjaġġ mill-bogħod, vjaġġ mhux mingħajr diffikultajiet. Għalkemm kienu nies prominenti, kellhom ifittxu. Jaslu Ġerusalemm għand min għandu r-risposta. “Is-sultan Erodi jitħawwad u Ġerusalemm kollha miegħu” (Mt 2: 3) u jiġbor il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha u huma jagħtu risposta: “F’Bethelem tal-Lhudija għax hekk inkiteb mill-profeta” (Mt 2:5).

    Għalkemm kienu jafu r-risposta, Erodi u l-qassisin l-kbar u l-kittieba ma jagħmlu l-ebda pass, ma jagħmlu l-ebda tfittxija ulterjuri. Donnu huma li jafu r-risposta, m’għandhomx fil-qalb tagħhom l-għatx iħabbat biex jiltaqgħu mal-Mulej. Anzi Erodi jħoss li dan li twieled huwa theddida għall-poter tiegħu u nafu kif il-kittieba u l-Fariżej itrattaw lill-Mulej Ġesù. Għalkemm kienu jafu r-risposta, u din osservazzjoni ta’ San Girgor il-Kbir, ma kellhom l-ebda ħerqa jiltaqgħu mal-Mulej. Erodi anzi biex jipprova jitkixxef min hu u fejn qiegħed, jagħmel tabirruħu li jixtieq imur iqimu. Imma nafu li l-pjan tiegħu kien pjan vjolenti u ta’ qtil għaliex jibgħat f’Betlehem lis-suldati tiegħu biex joqtlu lit-tfal subien minn sentejn l-isfel. Mhux talli ma jixtieqx jiltaqa ma’ din it-tarbija, imma l-idea tiegħu hi li joqtolha.

    Is-slaten maġi jgħallmuna mod differenti kif aħna nirrispondu għall-għatx ta’ qalbna. Ix-xewqa ġenwina tagħhom hija li jqimu lil dan is-sultan li twieled u jimxu wara l-kewkba tiegħu; jistaqsu, ifittxu u jivjaġġaw. U meta jsibu lit-tarbija fi ħdan ommha, iqimuha u jagħtuha r-rigali tagħhom: deheb, inċens u mirra. U jiddeċiedu li ma jerġgħux lura minn fejn kienu ġew imma jagħżlu triq oħra, x’aktarx iżjed diffikultuża, imma inqas fil-għajn.

    Għeżież seminaristi, intom illum qegħdin titolbu lill-Knisja tilqagħkom uffiċjalment bħala kandidati għas-saċerdozju. Illum intom tiġu bir-rigali tagħkom, rigali fqar li għandhom bżonn ħafna l-barka tal-Mulej. Il-Knisja tilqagħkom bħala rigali li qed iwasslilha l-Mulej permezz tal-familji tagħkom u permezz tal-komunitajiet parrokkjali u reliġjużi minn fejn nibtet u kibret il-vokazzjoni tagħkom. Aħna nilqgħu dawn ir-rigali li l-Mulej qiegħed jagħtina.

    Nixtieq naqsam magħkom riflessjoni ċkejkna minn San Girgor il-Kbir dwar is-sinifikat ta’ dawn it-tliet rigali li offrew is-slaten Maġi u forsi din ir-riflessjoni tgħinna biex nikbru fit-tfittxija tagħna tal-Mulej u l-qadi tal-poplu tiegħu.


    L-ewwel rigal: id-deheb

    L-ewwel nett fit-tradizzjoni kollha tal-Knisja, San Girgor il-Kbir jifhem li d-deheb iqim lil Ġesù bħala sultan, l-inċens iqimu bħala Alla, u l-mirra tfakkarna li huwa bniedem, Alla magħmul bniedem. Imma mbagħad San Girgor il-Kbir jagħmel din il-mistoqsija: dan ir-rigal li qed nagħtu lill-Mulej kif nistgħu nsarrfuh fil-ħajja tagħna? Dawn ir-rigali x’impenn jesprimu, x’deċiżjonijiet għandna nieħdu aħna u noffru dawn ir-rigali? 

    Għal San Girgor il-Kbir id-deheb huwa d-deheb tal-għerf u l-għaqal; għalih l-inċens huwa l-inċens tal-ħajja tat-talb; u l-mirra hija d-deċiżjoni li aħna nħaddnu r-rażan u l-mortifikazzjoni, iċ-ċaħda biex nimxu wara l-Mulej.

    …l-għerf tal-Mulej, bħad-deheb, huwa frott ta’ proċess ta’ tisfija.

    Id-deheb, għeżież seminaristi, id-deheb tal-għaqal, tal-prudenza u tal-għerf huwa rigal li intom tridu titolbu mill-Mulej waqt li tippruvaw ukoll toffruhulu. Id-deheb fil-ħajja tagħkom huwa d-dixxerniment kontinwu, il-mistoqsija: ‘Mulej, xi trid minni? Xi tridni nagħmel?’ Hu li tilqgħu r-rieda tiegħu bħala l-aqwa rigal għax fir-rieda tiegħu hemm il-paċi. Min jgħix it-talba li għallimna Ġesù “ikun li trid int kif fis-sema hekda fl-art,” (Mt 6: 10) isaltan u jgħix fil-paċi.

    Mela intom tifhmu li aħna dak li noffrulu, hu jagħtiehulna bil-mitt darba iżjed. Inti toffrilu l-għaqal, id-dixxerniment u r-rieda tiegħek u hu jbierkek bil-għerf tiegħu. Imma tinsewx li l-għerf tal-Mulej, bħad-deheb, huwa frott ta’ proċess ta’ tisfija. Id-deheb huwa frott tal-art, minerali li nsibu fl-art, imma jrid jgħaddi minn proċess ta’ tfittxija u ta’ purifikazzjoni u hekk ukoll il-vokazzjoni tagħkom hija frott ta’ dixxerniment u proċess kontinwu ta’ purifikazzjoni.


    It-tieni rigal: l-inċens
    Jalla t-talb tagħkom ikun espressjoni ta’ mħabba vera, imħabba taħraq lejn Alla…

    L-inċens huwa l-offerta tat-talb tagħkom. It-talba li nagħmlu għalikom u għal kull wieħed u waħda minna llum, hija li ħajjitna tkun talba kostanti lill-Mulej, li aħna nifhmu li għandna bżonn radikali tiegħu, li l-inċens li meħud minn siġra partikolari fl-Orjent huwa frott ukoll ta’ proċess iebes ta’ reżina li ġejja mill-ferita fis-siġra. It-talb huwa l-ferita fil-qalb ta’ min iħobb. Jalla t-talb tagħkom ikun espressjoni ta’ mħabba vera, imħabba taħraq lejn Alla u li tfittxu u ssibu f’kull wiċċ ta’ kull bniedem li hawn fid-dinja, hu min hu, hi min hi. Jekk aħna llum irridu nfittxu lill-Mulej, ejjew nitolbuh il-grazzja li jgħarrafna lilu nnifsu fil-wiċċ ta’ kull persuna li niltaqgħu magħha. Għax it-talb huwa li inti titwaħħad mal-mentalità, mal-mod ta’ ħsieb tal-Mulej li ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi. 


    It-tielet rigal: il-mirra

    Toffrilu l-mirra. Forsi rigal pjuttost iebes. Minnu nnifsu qed isejjaħlek għall-morr tar-rażan, taċ-ċaħda, tal-mortifikazzjoni. Tinsiex li hu jgħid: “Min irid jimxi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja” (Mt 16: 24). Ir-rigal tal-mirra li tagħtih u dan l-impenn li inti titwaħħad mal-misteru tas-salib imqaddes tiegħu, immu hu x’se jagħtik? Ftakar li inti meħlus mid-demm imċarċar tiegħu.

    …il-mirra minn issa stess tippreparana għall-misteru tal-mewt u d-difna tal-Mulej.

    Fl-Evanġelju, il-mirra tissemma fil-festa tal-lum, dan il-misteru ta’ sebħ u glorifikazzjoni, imma tissemma wkoll nhar il-Ġimgħa l-Kbira. L-ewwel, qabel il-mewt ta’ Ġesù għax joffrulu taħlita ta’ nbid imħallat mal-mirra biex jixrobha. U wara l-mewt tiegħu, meta tiġi mħejjija taħlita ta’ mirra u sabbara biex bih ikun jista jindilek għad-difna. Għalhekk il-mirra minn issa stess tippreparana għall-misteru tal-mewt u d-difna tal-Mulej. Inti toffrilu dan il-proċess kontinwu f’ħajtek, proċess ta’ mewt kontinwa, ta’ difna kontinwa bit-tama tal-qawmien għall-ħajja.

    Illum l-Epifanija qed tistedinna biex ngħollu qlubna ’l fuq, inħarsu lejn il-kewkba li wasslitna lejn Betlehem biex niltaqgħu mal-Mulej. Din hija l-istedina li l-Knisja tagħmlilkom intom u toffru ħajjitkom għas-servizz tal-poplu. Ħarsu ’l fuq, qlubkom erfgħuhom ’l fuq lejn il-Mulej merfugħ imdendel fuq l-għuda tas-salib, imsebbħh u gglorifikat bħala offerta ta’ mħabba.

    L-aħħar ħsieb tiegħi imur għall-għanja ħelwa mit-tradizzjoni Anglo-Sassona li tfakkar l-offerta fqajra tal-Maġi, imma tgħid: ‘Jiena m’għandi xejn, ħa noffrilek lili nnifsi’.

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  •