St. John of the Cross

Waqt l-udjenza ġenerali ta’ kull ġimgħa, il-Papa Benedittu XVI qal li l-fidi tagħti l-qawwa fejn hemm l-isfidi u d-diffikultajiet tal-ħajja, inkluż il-mard u t-tbatija. Id-diskors tal-Papa Benedittu XVI kien immirat għaż-żgħażagħ, il-morda u l-koppji li għadhom kemm jiżżewwġu. Il-qofol tad-diskors tal-Papa Benedittu XVI kien biex iż-żgħażagħ ikomplu jkunu strument ta’ ferħ u paċi waqt li jħallu post f’qalbhom lil Ġesù.

Huwa ndirizza ukoll lil dawk il-persuni morda. Il-Papa qalilhom biex joffru t-tbatija, is-sagrifiċċji u l-mumenti ta’ prova lill-Mulej biex imbagħad il-Mulej innifsu jkun jista’ jiftaħ il-bibien tal-qlub.

Il-Papa Benedittu indirizza wkoll lill-koppji li għadhom kemm iżżewwġu.  Ħeġġiġhom biex ikunu dejjem xiehda tal-imħabba ta’ Ġesù u jwettqu dak li Hu sejħilhom għalih.

Waqt id-diskors, il-Mexxej tal-Knisja Kattolika għamel referenza għall-figura ta’ San Ġwann tas-Salib, qassis spanjol li għex bejn l-1542 u l-1591 li huwa wkoll il-fundatur tal-Ordni tal-Karmelitani Skalzi.  Il-Papa qal li bħal ma anke San Ġwann tas-Salib żamm lil Alla fiċ-ċentru ta’ ħajtu, tant ieħor il-bniedem tal-lum, irid jagħmel hekk.

Preżenti għall-udjenza ta’ din il-ġimgħa kien hemm madwar 4,000 pellegrin mill-Polonja, Repubblika Ċeka, Messiku u l-Istati Uniti.