F’konferenza tal-aħbarijiet li saret nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Frar, 2011, tnieda l-programm ta’ attivitajiet fl-okkażjoni ta’ ĠimgħaŻwieġ li ser tiġi iċċelebrata bejn is-7 u t-13 ta’ Frar.

F’Malta, ĠimgħaŻwieġ bdiet fis-sena 2010. Prinċipalment kienet tikkonsisti f’ żewġ konferenzi nazzjonali, waħda fis-6 ta’ Frar u l-oħra fit-13 ta’ Frar. Fl-ewwel konferenza tkellmu l-Prim Ministru u s-Sinjura Gonzi, u l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u s-Sinjura Muscat, dwar x’jifhmu bi żwieg b’saħħtu u x’jista’ jsir iżjed biex jissaħħaħ iż-żwieġ f’ pajjiżna. It-tieni konferenza kienet dwar ‘Xejriet fil-Familji Maltin – fatti u figuri’,  u tkellmu d-Direttur u ufficjali mill-Ufficju Nazzjonali ta’ l-Istatistka (NSO). L-attendenza għaż-żewġ konferenzi kienet verament tajba ħafna.

L-idea ta’ ĠimgħaŻwieġ (Marriage Week) bdiet mis-Sinjuri Richard u Maria Kane fl-Ingilterra. Ġiet iċċelebrata għall-ewwel darba fl-1997.  F’dawn it-tlettax il-sena, din l-attivita’ bdiet ssir f’diversi pajjiżi li jinkludu l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Awstralja, kif ukoll pajjiżi Ewropej bħal: Ġermanja, Repubblika Ċeka, Svizzera, Ungerija, Belġju, Irlanda, Olanda, Rumanija u Slovakkja. Ser tibda ssir ukoll in-Norveġja u l-Izvezja.

Il-koppja Richard u Maria Kane waqqfu wkoll ‘Future Way Trust’, bl-iskop li jxerrdu t-twaqqif ta’ ĠimgħaŻwieg ma’ kemm jista’ jkun pajjizi oħra mad-dinja. Il-motto tagħhom hu ‘NIĊĊELEBRAW L-IMPENN’.

L-iskop ta’ ĠimgħaŻwieġ hu li permezz ta’ diversi attivitajiet jintwerew:

1.    il-vantaġġ taż-żwieġ għal kulħadd,

2.    il-ħtieġa ta’ impenn sħiħ minn kulħadd favur żwieġ b’saħħtu: koppji, stat, soċjeta ċivili u anke reliġjionijiet kollha

3.    is-sbuhija u l-impenn lejn iz-żwieġ li ħafna koppji żgħażagħ jkunu  għazlu li jersqu lejn din il-forma ta’ ħajja.

Nhar it-Tnejn 7 ta’ Frar ser intellgħu Konferenza Nazzjonali fil-Phoenicia Ballroom, Floriana, bejn 6.30 p.m. u 8.30 p.m. bit-tema ‘Il-Familja fl-Ewropa llum’. Il-kelliem prinċipali ser ikun il- Professur Francesco Belletti, Direttur taċ-Ċentru Internazzjonali Studji Familja, f’Milan. Ser ikun hemm ħin għal interventi qosra, jew mistoqsijiet, minn dawk preżenti.

Is-Sibt 12 ta’ Frar – Seminar għaż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u 35-il sena mtella’ mill-Group Link (Żgħażagħ Parrocca San Ġorġ, Qormi) bil-kollaborazzjoni tal-Kummisjoni Djoċesana Żgħażagħ u l-Kummissjoni Djoċesana Familja, bit-tema: ‘Familja – Diversita’, Sforz u Sagrifiċju?’ Dan is-seminar ser isir fis-sala taċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni f’ Birkirkara bejn id 9.00 a.m. u s-1.30 p.m.

Il-Ħadd 13 ta’ Frar – Niċċelebraw ‘Jum iż-Żwieġ Nisrani’.  Fid-9.00 a.m. ser issir Quddiesa fil-Knisja tal-Madonna tal-Ħlas, Qormi, animata mill-Kummissjoni Djoċesana Familja u mxandra fuq il-Public Broadcasting Services. Mistennija jieħdu sehem membri tal-Kummissjonijiet Parrokjali Familja mill- parrocci kollha ta’ Malta.

Fuq xewqa personali tiegħu, l-Eċċelenza Tiegħu, l-Arċisqof Pawlu Cremona ser jiltaqa’ mal-għarajjes kollha li ser jiżżewġu matul din is-sena, għal ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Gwann, il-Belt Valletta fis-6.30 p.m. Din l-attivita’ qed tiġi organnizata mill-Moviment ta’ Kana.

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]