Archbishop Claudio Maria Celli

L-Arċisqof Claudio Maria Celli, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjoni Soċjali, ħabbar dalgħodu il-ħolqien ta’ sit internet ġdid tal-Vatikan li qal li se jservi bħala “punt ta’ konnessjoni bejn għadd ta’ ċentri ta’ produzzjoni ta’ aħbarijiet fi ħdan is-Santa Sede”.

L-Arċisqof Celli għamel din l-aħbar pubblika f’konferenza tal-aħbarijiet waqt il-preżentazzjoni ta’ unit televiżiv ġdid, high-definition, fi ħdan iċ-Ċentru Televiżiv tal-Vatikan. Celli qal li s-sit ġdid multi-media se jġib flimkien numru ta’ servizzi ta’ aħbarijiet tal-Vatikan bħall-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, il-ġurnal L’Osservatore Romano, Radju Vatikan, iċ-Ċentru Televiżiv tal-Vatikan, u s-servizz tal-aħbarijiet Fides, tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli.

Għadu mhux deċiż l-isem tas-sit il-ġdid, kif ukoll meta se jitnieda uffiċjalment.

L-Arċisqof Celli temm jgħid li “hi ħtieġa li tinħass ħafna fost il-ħaddiema tal-entitajiet differenti”. Dan filwaqt li ggarantixxa li kunn entita li tibqa’ tgawdi l-indipendenza tagħha.