Il-workshop internazzjonali tal-Konferenza Ewropea tal-Kummissjonijiet tal-Ġustizzja u Paċi tal-Knisja Kattolika saret ġewwa Vilnius, il-Litwanja bejn is-17 u d-19 ta’ settembru 2010. It-tema kienet “Ir-rigal tal-libertà: storja ta’ bidliet u sfidi”, rikonoxximent tal-20 sena anniversarju tal-indipendenza tal-Litwanja mill-ħakma tal-Unjoni Sovjetika.
Matul il-workshop saru numru ta’ laqgħat bejn il-parteċipanti u persuni li għexu dan il-perijodu. Huma qasmu mal-parteċipanti d-diffikultajiet li l-Litwanja kellha tegħleb sabiex kisbet l-indipendenza u l-isfidi li kellha minħabba l-esperjenza kiefra tal-okkupazzjoni sovjetika.
Il-Litwanja hi nazzjon li sab is-saħħa tiegħu fil-fidi qawwija u identità kulturali b’saħħitha li għenuh mhux ftit quddiem okkupazzjoni li damet sejra ħamsin sena. Bejn 1940 u l-1990 il-pajjiż tilef terz tal-popolazzjoni. Is-soċjetà fil-Litwanja batiet qatiegħ iżda l-ispirtu tal-poplu baqa’ sħiħ.
Illum, fis-soċjetà prezenti tal-Litwanja għadhom jidhru ġerħiet mill-imgħoddi. Aħna, il-parteċipanti, stajna naraw l-isforzi li qed isiru sabiex jingħataw lura propjetà sabiex l-inġustizzji tal-passat jiġu indirizzati u fuq kollox jingħata rikonoxximent lill-vittmi ta’ dawn l-inġustizzji. Dan il-proċess mhuwiex faċli sabiex jiġi assigurat li l-vittmi vera jibbenifikaw minnu.
Dawn l-esperjenzi għenu lill-membri tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Knisja f’Malta tirrifletti dwar it-tifsira tal-libertà u r-responsabiltajiet li din iġġib magħha. Il-libertà vera ma tinkisiebx f’mument wieħed iżda hi proċess kontinwu. It-theddid għal-libertà jista’ jieħu forom differenti: militari, politiku, soċjali, ekonomiku jew morali. Kollna kemm aħna fl-Ewropa għandna nżommu għajnejna miftuħin beraħ għall-forom ġodda ta’ thedid għal-libertà tagħna.