Nhar it-Tnejn. 21 ta’ Ġunju, 2010, madwar mijja u tletin żagħżugħ u żagħżugħa li ser joffru ħidma volontarja matul is-sajf, f’Malta u barra minn Malta ġew mistiedna jattendu għal-laqgħa ma’ l-Arċisqof Pawlu Cremona fil-kappella ta’ l-Università ta’ Malta, f’attività kkummissjonata mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ) lil grupp Assoċjazzjoni Voluntiera Lourdes (AVL).

L-attività bit-tema ‘Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?’ (Mk10:17)  kienet imżewqa bi preżentazzjonijiet minn ĊAM Youths kif ukoll ħin qasir ta’ adorazzjoni fejn iż-żgħażagħ prezenti ġew mistiedna jirriflettu dwar il-‘volontarjat.’

Fil-messaġġ tiegħu, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. semma kif il-volontarjat huwa eżempju ta’ turija ta’ mħabba. Il-voluntier qal, bħal Alla, jkun qed jagħti lilu nnifsu lil oħrajn u b’hekk ikun qed jirrappreżenta lil Knisja li hi l-frott tal-imħabba kbira li Alla l-Missier għandu għal kull persuna, hi x’inhi n-nazzjonalita’, razza u twemmin. L-Arċisqof ħeġġeġ ukoll lil voluntiera biex fis-servizz li jagħtu, jindirizzaw l-attenzjoni tagħhom lejn l-individwu. Hu nkoraġġixxa lil voluntiera biex f’kull persuna li ser jintaqgħu magħha matul il-ħidma tagħhom, ifittxu dejjem li jaraw lil Alla. B’dan il-mod il-voluntier ikun qed juri rispett u dinjita’ lejn il-persuna l-oħra.

Qabel ma ngħata bidu għal mument informali ma’ dawk preżenti, l-Arċisqof ippreżenta lil kull organizzazzjoni  u volontier kuruna missjunarja flimkien ma’ ktejjeb fuq it-talba tar-rużarju indirizzat ghat-tfal. L-idea wara dan il-ktejjeb hi li kull voluntier jippreżenta it-talba tar-Rużarju lil xi tifel jew tifla li ser ikun qed jaħdem magħhom matul dan is-sajf.

Issa jmiss illi fl-1 ta’ Ottubru ssir laqgħa simili li tagħti merħba lura lil dawn il-volontiera.

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]

Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, ħalli l-kummenti tiegħek.