• Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     


  • Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta

    20 ta’ Diċembru 2018

    L-ewwel nett nixtieq insellem ħafna lill-President tal-Repubblika u lis-Sur Edgar Preca, lill-Onor. Prim Ministru u lis-Sinjura Michelle Mucat, lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Dr Anġlu Farrugia u lill-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Adrian Delia. Nirringrazzja anke lilkom hawn preżenti u lil dawk li qegħdin isegwuna permezz tal-mezzi tax-xandir.

    Il-gratitudni tiegħi hija partikolari anke għall-organizzaturi ta’ din is-serata u għal min ħaseb biex din is-sena, ikun hawn dan il-presepju sabiħ li kien inawgurat sentejn ilu fi Pjazza San Pietru l-Vatikan, u li s-sena li għaddiet kien fil-belt fejn twieled Ġesu, il-belt ta’ Betlehem. Illum qiegħed iżejjen din il-pjazza meraviljuża li ġiet irrestawrata b’mod tant sabiħ mill-Gvern Malti u li qiegħed jagħti l-messaġġ propju tal-Milied. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna fl-ispazji u fit-toroq tagħna, għandna wkoll l-opportunità ngawdu x-xena li tfakkarni u li tfakkar lil kull wieħed u waħda minna fit-twelid ta’ Ġesu.

    Il-Milied huwa l-mument fejn aħna nirrealizzaw kemm iħobbna Alla; aħna min aħna u aħna fejn aħna fil-mixja tagħna, il-Mulej iħobbna. Bħalissa qed niftakar f’tant tfal fil-parroċċi tagħna f’Malta u Għawdex li qed jippreparaw biex jagħmlu l-prietka tal-lejl tal-Milied. Bl-għajnuna tal-katekisti u tal-ġenituri tagħhom qed jitgħallmuha bl-amment bi bravura kbira. Fost l-espressjonijiet li l-abbati jew inkella ż-żagħżugħa tgħid fil-prietka tal-Milied hija propju l-għanja tal-anġli: “Glorja ’l Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba,” lill-bnedmin li Alla jħobb.

    Tkun ħaġa sabiħa li f’dan il-Milied naħsbu f’xulxin u nkunu għal xulxin l-ambaxxaturi tal-ħniena, tal-imħabba u tal-paċi li jrid jagħtina Alla. F’diskors li l-Papa Franġisku għamel jumejn ilu, issuġġerielna xi ħaġa. Qalilna: ‘Dan il-Milied ftakru f’xi ħadd li għandu bżonn partikolari ta’ għajnuna’. U jiena ħsibt fil-poplu tagħna li fl-istaġun tal-Milied tant hu ġeneruż mal-Malta Community Chest Fund, mad-Dar tal-Providenza kull l-1 ta’ Jannar, u ma tant opri oħra ta’ karità. Naħseb diġà antiċipajna ix-xewqq tal-Papa li l-Milied ikun għalina wkoll Milied ta’ solidarjetà, li dik l-imħabba li Alla jrid iwassal, aħna nkunu ambaxxaturi tagħha.

    Nixtieq nawgura lil kull min qiegħed jismagħna u jsegwina, u lill-poplu kollu ta’ Malta u Għawdex, Milied hieni u sena ġdida mimlija risq. Grazzi.

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  • Aktar ritratti »