Matul din il-ġimgħa, fiż-żjara li Mons. Arcisqof qiegħed jagħmel f’Toronto, il-Canada kien jinħass ferħ u entużjażmu fost il-komunita’ Maltija t’hawn. Il-vista kompliet wara li l-Ħadd filgħodu ġiet iċċelebrata Quddiesa li fiha kien imfakkar il-100 anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl u l-Arċisqof iltaqa’ mal-komunita’, biex wara nofs in-nhar beda iż-żjajjar tiegħu fil-każini, u Għaqdiet tal-Maltin. Kulħadd kellu kelma ta’ apprezzament għall-Knisja f’Malta li ma nsiet qatt lil dawn ħutna li telqu mill-gżejjer tagħna. Minn naħa tiegħu Mons. Arċisqof wera l-apprezzament tiegħu f’dawn iċ-ċirkostanzi kif ukoll kellu kellma ta’ faraġġ u sapport għal kulmin irrakkuntallu xi ġrajja jew esperjenza iebsa.
It-Tnejn, 10 tax-xahar kien imiss żjara ta’ kortesija fil-Konsolat Malti u iltqajna mas-Sinjura Fiona Formosa, il-Konslu li hemm issa u li f’isem il-Gvern ta’ Malta tat merħba u nformazzjoni tas-servizzi li dan l-uffiċċju jagħti b’risq il-komunita’ Maltija. Azjenda oħra li għamlet isem u ġieħ lil Maltin f’Toronto hu l-‘Bank of Valletta plc.’. Id-direttur tal-Bank f’Toronto, s-Sur Manuel Ciappara spjega kemm il-Maltin huma ħawtiela u għamlu isem għalihom u għall-gżejjer tagħna u x’servizzi joffri fil-qasam bankarju. Iż-żjara kompliet billi żorna l-uffiċċju tal-‘Melita Travel’, intraprizza ta’ sħab Maltin u Għawdxin li hi mfittxija ħafna mill-komunita’ u wieħed jara li hawn is-servizz hu effiċċjenti u professjonali.
Laqgħat interessanti oħra kienu mas-saċerdoti Maltin jew ta’ dixxendenza Maltija li qed jagħtu servizz b’ġenerożita fil-Knisja lokali, kif ukoll mal-anzjani fl-isptar f’Runnymed li hu mexxi minn Maltija, kif ukoll ma’ diriġenti ta’ assoċċazjonijiet oħra li għalkemm m’għandhomx post fis fejn jiltaqgħu imma huma ukoll jagħtu sehemhom għall-bini u t-tisħiħ tal-komunita’. Eżempju ta’ dawn l-assoċċazjonijiet hi dik li permezz tagħha jiġi promoss l-ilsien u l-kultura Maltija.
L-Erbgħa, 12 tax-xahar l-vista kienet lill-komunita’ in-naħa ta’ Nigara Falls u dawk l-inħawi. Hawn hekk kienet organizzata quddiesa u laqa’ sabiħa mal-komunita’ minn Fr Raymond Fenech Gonzi li hu kappillan fil-parroċċa ddedikata lil Sant’ Anna, fid-djoċesi ta’ Santa Katerina. Ta’ min isemmi li din id-djoċesi hi ddedikata lil Santa Katerina ta’ l-Ixandra fuq is-sehem li kien ta’ ċertu wieħed ta’ kunjom Scicluna li kien jiġi miż-Żejtun Malta. Dan kollu hu indikazzjoni kemm il-Maltin minn dejjem ġarrew magħhom l-fidi u t-tradizzjonijiet ta’ missirijiethom u li għal dan taw sehemhom bis-sħiħ kif għadhom jagħmlu s’issa.
Ta’ min jgħid wkoll li Mons. Arċisqof kellu laqgħat ma’ diversi Isqfijiet f’dawn il-postijiet li qiegħed iżur u kollha kemm huma jitkellmu tajjeb fuq il-komunita’ tal-Maltin hawn hekk u kemm dejjem isibuhom ta’ għajnuna. Dan kollu jimla’ bil-ferħ u bil-konsolazzjoni imma fl-istess ħin jibqa’ juri r-responsabbilta’ li għandna lejn din l-istess komunita’ tal-Maltin ħalli jibqgħu sħaħ fil-fidi u jgħixu dan l-istess rigal li tiegħu qiegħed nizzu ħajr ‘l Alla f’dan l-anniversarju tal-1950 sena minn meta l-Appostlu Missierna San Pawl wasal fil-Gżejjer tagħna.
Iż-żjara ta’ Mons Arċisqof issa ser tkompli fi New York. Hemm ukoll hemm diversi laqgħat imħejjija biex hekk ukoll Mons. Arċisqof ikollu informazzjoni u kuntatt dirett mal-Maltin ta’ hawn hekk.
Fr Alfred Vella