“L-Isqof ta’ Augsburg, Mons Walter Mixa, tefa r-riżenja tiegħu”. Dan kien ikkonfermat fi stqarrija maħruġa mill-uffiċċju tad-djoċesi responsabbli mill-komunikazzjoni pubblika ta’ aħbarijiet.
“Mons Mixa, permezz ta’ ittra, talab li jirriżenja mill-kariga. Id-diskussjoni pubblika dwaru fl-aħħar ftit ġimgħat, laqtet direttament lis-saċerdoti u l-kongregazzjoni sħiħa tad-djoċesi”. Meta għamel hekk, Mixa ried li “jevita aktar ħsara lill-Knisja u jfittex bidu ġdid”.
Il-President tal-Konferenza Episkopali Ġermaniża, Mons Robert Zollitsch, kien qal diġa li hu, flimkien mal-Arċisqof ta’ Munich, Mons Reinhard Marx, issuġġerew lill-Isqof Mixa sabiex jieħu ħin għalih. Fit-taħdidiet tagħhom, l-Isqfijiet “iddiskutew miegħu l-għajnuna li tista’ tingħatalu biex tiġi indirizzata l-problema fid-djoċesi” u “iddiskutew miegħu dwar kemm jista’ jgħin fil-ħolqien ta’ atmosfera iktar oġġettiva fit-tweġibiet tiegħu li jqatta’ żmien ta’ riflessjoni lil hinn mid-djoċesi”.
Għal iktar minn ġimgħatejn, l-Isqof ta’ Augsburg kien ikkritikat b’allegati abbużi fuq tfal u misappropriazzjoni tal-fondi tal-orfni. Fil-bidu, huwa kien ċaħad l-akkużi ta’ abbużi li sarulu.