L-Arċisqof Pawlu Cremona, u l-Isqof t’Għawdex, Mario Grech, saħqu li fid-dawl tal-allegati abbużi minn saċerdoti, kulħadd bħala Knisja jrid jgħaddi mill-indiema u mis-sogħba, mhux biss għad-dnub ta’ dawk li għamlu dawn l-abbużi, iżda li tinħass ukoll l-umiljazzjoni li dawn saru minn dawk li suppost, f’isem il-Knisja, kellhom id-dmir li jħarsu u jipproteġu lil dawn iż-żgħar.

Filwaqt li appellaw lill-Insara biex f’materja gravi bħal din jikkoperaw mal-awtoritajiet kompetenti kollha, anki ċivili, tennew dak li l-Knisja qalet sa mill-1999 – li l-Insara għandhom l-obbligu li minflok jisktu u jostru, jikkoperaw mal-Knisja biex fi ħdanha din il-pjaga tissaffa u titneħħa.

Fi stqarrija konġunta, l-Isqfijiet fakkru li dan l-aħħar, il-Papa Benedittu XVI, bagħat Ittra lill-Knisja fl-Irlanda dwar it-traġedja tal-abbużi sesswali fuq minuri. Fiha hu tkellem fuq il-kruha li hemm f’dawn id-delitti. Huwa sejħilhom: “Atti kriminali u ta’ dnub”. Dan id-delitt, bil-mistħija tal-Knisja kollha, komplew l-Isqfijiet, jidher iktar fil-kruha tiegħu meta jsir minn saċerdoti. L-Isqfijiet Maltin għamluha ċara li dan hu mument ta’ umiljazzjoni għall-Knisja kollha.

L-Arċisqof Cremona u l-Isqof Grech spjegaw li dan jgħodd ukoll għall-Knisja f’Malta li bħall-Papa turi “d-dispjaċir u s-sogħba” tagħha lejn dawk kollha li kienu abbużati, lejn l-aħwa Insara kollha li ħassewhom imfixklin, u lejn is-soċjetà Maltija kollha.

Fi kliemhom, il-Knisja f’Malta kienet mill-ewwel Djoċesijiet meta fl-1999 ħadet passi u waqqfet kunsill magħruf bħala Response TeamResponseTeam ieħor. taħt it-tmexxija ta’ Mħallef irtirat biex ikun jista’ jinvestiga allegazzjonijiet ta’ każi ta’ akkużi ta’ abbużi sesswali, kemm fuq minorenni kif ukoll fuq adulti minn saċerdoti, reliġjużi u operaturi pastorali lajċi tagħha. Biex il-każi jkunu indagati fl-inqas żmien possibbli, ftit xhur ilu hija għamlet

Il-Knisja f’Malta, qalu l-Isqfijiet, iġġedded u tqawwi l-impenn tagħha kontra dawn l-abbużi wkoll fid-dawl ta’ analiżi profonda li hija tagħmel tal-Ittra tal-Papa Benedittu XVI lill-Knisja fl-Irlanda. L-Isqfijiet Maltin enfasizzaw li minkejja li dawn il-każi huma ta’ umiljazzjoni għall-Knisja, hija xorta waħda trid tkompli taqdi l-missjoni li Alla fdalha f’idejha b’risq il-bniedem sħiħ fid-dawl tal-Aħbar it-Tajba.