“Aġir b’ġustizzja, solidarjeta u viżjoni”. Din hi l-attitudni rakkomandata mill-Kap tal-Knisja Kattolika lill-“awtoritajiet ċivili involuti fuq diversi livelli”, fir-rigward tal-‘esodu ta’ dawk in-nies li jħallu arthom minħabba vjolenza li tinkwadra f’xenarju ta’ faqar u ġuħ, kif ukoll għadd ta’ katastrofi naturali u abbandun ambjentali.
Fid-diskors tiegħu indirizzat lill-Korpi Diplomatiċi, il-Papa Benedittu XVI semma fost kategoriji oħra ta’ immigranti, lill-insara fi Lvant Nofsani, li “milquta b’diversi modi, anki fil-prattika tal-liberta reliġjuża, ikollhom iħallu art missirijiethom”.
“Hu b’sinjal ta’ appoġġ f’dan ir-rigward li ħsibt li nlaqqa’ l-Assemblea Speċjali tas-Sinodu Episkopali dwar il-Lvant Nofsani”, qal il-Papa, li fl-aħħar parti tad-diskors tiegħu appella mill-ġdid lill-Israeljani u l-Palestinjani sabiex jingaġġaw fi “djalogu u rispett lejn id-drittijiet ta’ xulxin”. Kien hawn li l-Papa talab ukoll għarfien universali “tad-dritt tal-eżistenza tal-Istat ta’ Israel biex igawdi l-paċi u s-sigurta fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment”. Appella wkoll għall-għarfien universali “tad-dritt tal-popolazzjoni Palestinjana għal pajjiż sovran u indipendenti, għal ħajja b’dinjita u għal ċaqliq ħieles”.
Finalment il-Papa appella għas-sehem ta’ kulħadd biex “l-identita u l-karattru sagru ta’ Ġerusalemm ikun protett”.