• Il-messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     


  • Il-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina
    7 ta’ Diċembru 2018

    Nirringrazzja u nuri l-apprezzament lill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta taħt it-tmexxija tas-Surmast Kaptan Jonathan Borg għal dan il-kunċert sabiħ tal-lejla. Magħhom ukoll nirringrazzja lil Coro Bel Canto u lil kull min ta s-sehem tiegħu f’dan il-kunċert. Illum qegħdin lejlet il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-festa li fil-qalba tagħha tfakkarna fil-ġmiel, f’dak li hu sabiħ. U llejla kellna l-okkażjoni li napprezzaw il-ġmiel fil-mużika u l-kant waqt li segwejna f’dan il-kunċert.

    Nifraħ minn qalbi lil Mons. Philip Calleja, ir-rebbieħ ta’ din is-sena tal-Premju Mikiel Azzopardi. Kif smajna fis-silta fil-qosor fuq ħajtu, Mons. Calleja għamel ħidma kbira tul is-snin. Jien nixtieq insemmi ħaġa waħda: il-qalb kbira tiegħu. Hu għall-Knisja kollha eżempju ta’ qalb mimlija mħabba li lesta tgħin lil kull persuna fil-bżonn. Għada Mons. Calleja jagħlaq 90 sena; età sabiħa, imma aħna nixtiqulu ad multos annos.

    Dan li qed isir illejla qed isir b’risq id-Dar tal-Providenza. Nixtieq inħeġġiġkom biex turu appoġġ b’kull mod lil din id-Dar. Nirringrazzja lil Fr Martin, lil dawk kollha li jaħdmu jew jagħtu s-sehem tagħhom f’din id-Dar, fosthom is-Sorijiet tal-Karitàli ilhom hemm 50 sena. Id-Dar tal-Providenza tul is-snin ħadmet u għadha taħdem bis-sħiħ biex twassal ir-rispett lejn il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem. Id-Dar tagħti messaġġ li jiswa ħafna fi żmienna: li l-ħajja tal-bniedem hi għażiża mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Issejħilna biex ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.

    Grazzi ħafna lill-organizzaturi u lilkom ilkoll li attendejtu llejla. Il-Mulej iberikkom.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju


     

  •  

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti