Aktar kmieni din il-Ġimgħa, seba’ żgħażagħ taw bidu għal programm ta’ formazzjoni li għandu l-għan li jwassalhom biex isiru saċerdoti djoċesani. Dawn qed jingħaqdu ma’ 30 żagħżugħ ieħor li diġa’ bdew il-formazzjoni tagħhom u qegħdin f’fażijiet differenti tal-proċess tal-formazzjoni tagħhom għas-saċerdozju.
Is-seminaristi l-ġodda, li l-età medja tagħhom hija ta’ 21 sena, ġejjin tnejn mill-Parroċċa ta’ San Sebastjan, Qormi, tnejn mill-Mosta, wieħed minn Ħad Dingli, ieħor min-Naxxar u ieħor mill-Kalkara.
Fl-okkażjoni tal-bidu tas-Sena l-ġdida tas-Seminarju, li din is-sena taħbat mas-sena ddedikata mill-Papa Benedittu XVI għas-saċerdoti, is-Seminarju ta’ Malta qed jagħti dehra ġdida u dinamika lill-website tiegħu www.seminary.org.mt
Permezz tal-website is-Seminarju jixtieq joffri:
1. tieqa fuq il-ħajja tas-Seminarju u tagħrif fuq kif tingħata l-formazzjoni;
2. għajnuna għal min jixtieq ikun jaf aktar x’inhi s-sejħa tiegħu quddiem Alla
3. post għal djalogu u ospitalita’ biex is-Seminarju jibqa’ fil-qalba tal-Knisja u jkun jista’ jtejjeb il-proposta formattiva.
Is-Seminarju qiegħed ukoll iniedi l-grupp Friends of the Seminary. Dan jiġbor fih lil dawk kollha li jiffurmaw parti mill-familja wiesgħa tas-Seminarju permezz ta’ l-għajnuna varja li joffru: talb, għajnuna fil-kċina, ordni u sbuħija tal-kappelel, u għajnuna finanzjarja.
Ir-Rettur tas-Seminarju, Fr Jimmy Bonnici, stqarr li: “Bħalma n-nar ma jagħmilx ħaġa oħra ħlief jaqbad, il-Knisja ma tkunx hi jekk ma tikkomunikax. Ma tikkomunikax biss informazzjoni iżda fuq kollox tikkomunika ħajja.”
Hu kompla jgħid li “dan kollu jgħin biex jintlaħaq l-għan tas-seminarju kif imfisser fuq il-website: Ninbnew bhala komunita’ nisranija li tifforma nies ta’ integrita’ u fidi li jinghataw lill-Knisja ta’ llum bhala Presbiteri”.
Għal aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lil Fr Jimmy Bonnici – 21455497 – [email protected]