• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     


  • Il-Knisja Arċipretali, iż-Żurrieq

    25 ta’ Novembru 2018

    “Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek u int, għax hu sidek, agħtih qima” (Salm 44:12).  Kemm joqgħod tajjeb dan il-kliem li llum kantajna fis-Salm 44 u li huwa parti mil-liturġija tas-solennità ta’ Santa Katarina verġni u martri. Għaliex bir-raġun meta l-Mulej Ġesù, is-sultan tal-glorja, is-sultan tal-ħolqien kollu, iħares lejn Katarina, fil-fomm tal-arkanġli, tal-anġli, tal-kerubini, tad-disa’ kori tal-anġli, jiġu l-kliem tas-Salm u lil Katerina għalenija jgħidulha: ‘Qed iħares lejk, Katarina, “jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek u int għax hu sidek, agħtih qima’”.

    It-talba tagħna lil Katarina llum hija li dan il-kliem jgħodd ukoll għalina; aħna li f’din id-dinja ngħoddu ruħna u bir-raġun mal-midinbin—kif stqarrejna u kif nistqarru f’kull bidu ta’ kull Quddiesa—imma li nafdaw totalment fill-ħniena tal-Mulej. Kemm tkun ħaġa qaddisa li kull ruħ Nisranija hi u titla’ quddiem Alla għall-ġudizzju, tisma’ mill-kori tal-anġli dan il-kliem tas-Salm: “Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek u inti, għax hu sidek, agħtih qima”.    

    Il-ġmiel ta’ Katarina, il-ġmiel tal-qaddisin, il-ġmiel tar-ruħ Nisranija li tkun temmet il-vjaġġ b’wiċċ il-ġid, huwa frott il-ħniena u t-tisfija li jagħmel il-Mulej. Katarina hija tassew true to her name, verament tgħix isimha, kemm fil-misteru tal-ħajja Nisranija li għexet, fil-misteru tal-verġinità li rċeviet bħala don mingħand il-Mulej l-għarus tagħha, kif ukoll fil-misteru tal-martirju tagħha. Għax l-isem Katarina jfakkarna fis-safa. Katarina jfakkarna fil-ġmiel tal-persuna msoffija minn kull ħażen u minn kull dnub.     

    Katarina, bħal kull wieħed u waħda minna, ingħatat isem li fuq kollox ifisser it-tisfija li aħna nieħdu fil-Magħmudija. Bit-tiswib tal-ilma u bit-tlissin tal-isem qaddis tas-Santissima Trinità: ‘fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu,’ ruħ Katarina saret tassew safja u għaddiet mill-aqwa katarsi. Hi li taf li b’din is-safa lill-Mulej is-sultan tagħha tqimu u tirringrazzjah. Aħna magħha wkoll illum, proprju fil-jum tal-25 ta’ Novembru li ta’ kull sena mad-dinja kollha jfakkarna f’Katarina verġni u martri, nirringrazzjaw lill-Mulej. Illum nirringrazzjawh tad-don tal-ħajja Nisranija talli lil Katarina dewwaqha l-għaxqa tas-sema fl-Ewkaristija, ħasilha minn dnubietha bis-Sagrament tal-Qrar, weżinha bil-Kelma tal-Mulej, u sejħilha għall-vokazzjoni tal-verġinità. Katarina hija tassew safja fil-misteru tal-verġinità tagħha.   


    Il-verġinità bħala għotja lil Kristu

    Il-verġinità mhijiex kwistjoni biss bijoloġika u tal-ġisem imma hi fuq kollox atteġġjament tar-ruħ. “Kollha ġmiel bint is-sultan bil-ġawhar, minsuġ bid-deheb ilbiesha. Għand is-sultan jeħduha bix-xbejbiet warajha. It-tfajliet li jingħatawlha bi sħabha” (Salm 44, 14-15).

    Il-verġinità tagħha hija li ma tgħixx għalik nnifsek, imma li Kristu jgħix fik.

    Il-ġmiel tal-verġinità ta’ Katarina huwa wkoll frott ta’ sejħa speċjali. Il-Mulej għażilha biex tkun l-għarusa tiegħu fost tant għarajjes oħrajn. Imma Katarina għexet din is-sejħa b’mod partikolari: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu. Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Gal 2:20). Dan il-kliem li aħna naqraw fil-festa tagħha mill-kitba tal-Appostlu Missierna lill-Galatin, jispjegalna s-sinifikat profond tal-verġinità ta’ Katarina. Il-verġinità tagħha hija li ma tgħixx għalik nnifsek, imma li Kristu jgħix fik. Il-ħajja li tgħix fil-ġisem tgħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla. Il-verġinità ta’ Katarina ġejja mill-persważjoni li Ġesù ħabbha u ta ħajtu għaliha, ta ruħu għaliha. Imħabba daqshekk kbira titlob ukoll imħabba ta’ konsagrazzjoni.    

    Imma l-maturità fl-imħabba tfisser li titgħallem tassew tagħti ħajtek.

    Għalina li aħna għandna l-vokazzjoni tagħna personali, il-verġinità ta’ Katarina xi tfisser? Aħna wkoll imsejħin biex fil-ħajja tagħna nagħmlu spazju ikbar għal Kristu. Aħna wkoll imsejħin biex, skont il-vokazzjoni tagħna, nimmaturaw fl-imħabba għax l-imħabba hija l-vokazzjoni li tgħaqqad kull stat tal-ħajja, kemm dak miżżewweġ, kemm dak single, kemm dak verġinali u kkonsagrat. Ħadd m’għandu jkun imċaħħad jew iċaħħad lilu nnifsu mill-vokazzjoni għall-imħabba. Imma l-maturità fl-imħabba tfisser li titgħallem tassew tagħti ħajtek. ““Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2:20). B’xi mod kull imħabba vera għandha dan il-proċess li aħna nitbattlu mill-egoiżmu tagħna u minn imħabba esaġerata tagħna nfusna, u f’din il-verġinità li ssaffi l-imħabba ta’ bejnietna, Kristu jgħix fina.


    L-eżempju ta’ Katarina llum  

    Għalhekk meta nħarsu lejn is-sbuħija tal-istatwa li 200 sena ilu bdiet iżżejjen din il-parroċċa antika u għażiża taż-Żurrieq, m’aħniex qed inħarsu lejn xbieha mbiegħda minna u li l-kelma tagħha ma tgħoddx għalina. Katarina, imsaffija bil-ħniena tal-Mulej, Katarina li Kristu jgħix fiha, tgħinna wkoll nifhmu x’jiġifieri tkun martri illum. Katarina hija wkoll imsoffija bid-demm tal-martirju. Kellha l-vokazzjoni li tistqarr il-Mulej sat-tixrid ta’ demmha.

    “Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li huwa miegħi, jiena wkoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 10:32). Il-Mulej Ġesù laqa s-sagrifiċċju estrem tal-għarusa tiegħu Katarina; stqarritu quddiem il-bnedmin saċ-ċarċir ta’ demmha; użat l-intelliġenza vivaċi u attiva tagħha biex tiddefendih, biex tfissru, biex tipproponih lill-kultura ta’ żmienha tagħha; u quddiem il-bnedmin stqarret lill-Mulej Ġesù li kienet tiegħu u hu, quddiem Missieru li hu fis-smewwiet, jistqarr li Katarina hija tiegħu.

    Aħna rridu nixhdu l-valuri tal-Mulej u l-imħabba tiegħu lejn kulħadd, bil-maħfra tal-għedewwa, bil-manswetudni, bl-umiltà, kull fejn qegħdin, f’kulma nagħmlu u f’kull ma naħsbu.    

    Meta aħna nħarsu lejn Katarina, verġni u martri, nifhmu li aħna wkoll imsejħin inkunu xhieda, u nkunu martri fiċ-ċirkostanzi kollha tal-ħajja tagħna. Irridu nixhdu għall-verità, għaliex aħna segwaċi ta’ dak li qal: “Jiena t-Triq, il-Verita u l-Ħajja” (Ġw 14:6). Kultant fid-dgħufija tagħna l-passi tagħna jogħtru, nibżgħu u kważi kważi niċħdu lill-Mulej. Illum fil-festa solenni ta’ Katarina, il-Mulej qed isejħilna biex nieqfu u nagħmlu din ir-riflessjoni: jiena xhud ta’ Kristu? Jiena martri ta’ Kristu fl-ambjent li fih poġġieni l-Mulej, ikun xi jkun? Aħna rridu nixhdu l-valuri tal-Mulej u l-imħabba tiegħu lejn kulħadd, bil-maħfra tal-għedewwa, bil-manswetudni, bl-umiltà, kull fejn qegħdin, f’kulma nagħmlu u f’kull ma naħsbu.

    Illum nitolbu l-interċessjoni ta’ Katarina. Katarina, li hija safja f’isimha u f’ħajjitha, imsoffija f’isimha u f’ħajjitha. Il-verġni li ħajjtiha saret espressjoni sabiħa tad-dixxipulat ta’ Kristu, kienet id-dixxiplu tal-Mulej fil-verġinità tagħha. Katarina hi martri u xhud qawwija tal-ħniena ta’ Ġesù. Ejjew nitolbu li aħna, imqawwijin bl-interċessjoni ta’ Katarina, niftakru dejjem fil-ħniena tal-Mulej. “Ftakart fil-ħniena tiegħek, Mulej, fl-għemejjel tiegħek ta’ minn dejjem, int li tifdi lil kull min jittama fik, li teħlishom minn kull għawġ”. Viva Santa Katarina!

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  •  

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti