• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     


  • Is-Sorijiet tal-Karità, Ħal Balzan

    21 ta’ Novembru 2018

    Dawk li jibdlu s-soċjetà għall-aħjar huma n-nies li għexu l-qdusija. Beata Enrichetta Alfieri tat kontribut kbir lis-soċjetà permezz tal-ħajja tagħha ta’ qdusija. Hi kienet tgħid: “Is-sejħa għall-ħajja reliġjuża ma tagħmilniex qaddisin, imma titfa’ fuqna d-dmir li naħdmu biex insiru qaddisin.” Nixtieq li naraw tliet kwadri partikulari mill-ħajja ta’ Beata Enrichetta.


    Il-Marda

    Meta Enrichetta daħlet fil-ħajja reliġjuża mas-Sorijiet tal-Karità, is-superjuri raw fiha ċerti kwalitajiet u bagħtuha tistudja ħalli tkun tista’ tgħallem. Imma ftit snin wara, Swor Enrichetta mardet. It-tobba damu ħafna biex identifikaw x’marda kellha, u sadattant hi kienet qed tbati ħafna f’qiegħ ta’ sodda. Meta ntebħu li kienet marda serja, hi kompliet tmur għall-agħar u ntbagħtet Lourdes biex titlob lill-Madonna għall-fejqan. Ġiet lura minn Lourdes mhix imfejqa, imma hi kienet tħares lejn il-marda bħala esperjenza li sseħibha mal-Passjoni ta’ Kristu u għalhekk tgħixha b’serenità fil-qalb tagħha. Kompliet sejra lura u kienu qed jistennewha li tmut minn mument għall-ieħor, meta darba minnhom wara li xorbot l-ilma ta’ Lourdes qamet u fieqet kompletament. Hi kienet tgħid li kienet proprju fejn il-bieb tal-ġenna, imma Alla ma ridhiex tidħol għalissa għax kellu pjanijiet oħra għaliha.

    Swor Enrichetta tgħallimna li anke jekk tkun f’qiegħ ta’ sodda, jew mhux possibbli taħdem, int tista’ tgħaqqad it-tbatija tiegħek mal-Passjoni ta’ Kristu u tirċievi minnu dik is-serenità li jaf jagħti hu.


    Il-Ħabs

    Swor Enrichetta għamlet snin twal il-ħabs. Mhux biex tiskonta xi piena, imma għax intbagħtet hemm biex tagħti servizz bħala Soru tal-Karità. Intbagħtet hemm għax wara li fieqet, kien hemm ferment sħiħ fil-post fejn kienet tgħix billi n-nies kienu jafu li kienet qed tmut u f’daqqa waħda fieqet, u għalhekk is-superjuri ddeċidew li aħjar tmur f’post ’il bogħod.

    Intbagħtet fil-ħabs ta’ San Vittore, Milan, fis-sezzjoni tan-nisa. Hemmhekk kienet taqdi b’ħafna mħabba lill-ħabsin. F’post ta’ ħitan għoljin u bibien imsakkrin, kienet toffri t-tama lill-persuni maqfulin hemm ġew u tieqaf magħhom fil-ħtiġijiet tagħhom. Baqgħet tissejjaħ ‘l-anġlu ta’ San Vittore’ kif ukoll ‘l-Omm ta’ San Vittore’.

    Ġesù jsemmi bħala opra tal-ħniena ‘Kont fil-ħabs u ġeju zzuruni’. Swor Enrichetta mhux iżżur biss, kienet il-ħin kollu mal-ħabsin toffrilhom nifs ġdid għal ħajjithom. Qisha ommhom. Kienet tagħmel dan bi tbissima ħierġa mill-qalb. Kienet eżempju kif l-imħabba tirbaħ.

    Swor Enrichetta tgħallimna kif meta nieqfu b’imħabba ma’ min qed ibati, u nkunu sensittivi lejn dawk li jeħtieġu l-għajnuna, inkunu qed ngħixu tassew is-sejħa li għamlilna l-Mulej. Is-Soru tal-Karità ssib sewwasew hawn is-sens tal-missjoni li Alla taha.


    Il-Gwerra

    It-tielet kwadru jeħodna għal meta faqqgħet il-gwerra, u l-ħabs inbidel u mtela b’residenti differenti – bil-Lhud u b’nies li kienu kontra l-faxxisti. Swor Enrichetta ddedikat ruħha bis-sħiħ biex tgħin lil dawn in-nies. L-imħabba tagħha kienet miftuħa lejn kulħadd – ma kinetx tagħmel distinzjoni ta’ razza jew reliġjon. Għamlet minn kollox fil-kuriduri tal-ħabs biex tkun ta’ servizz, b’determinazzjoni u wkoll b’sogru kbir. Indro Montanelli, li kien ġurnalist Taljan, u li dak iż-żmien kien mitfugħ il-ħabs, kien xehed fil-kawża tal-beatifikazzjoni tagħha li lil Swor Enrichetta kien iqisha r-raġġ ta’ tama fil-ħabs; kien irnexxielha tlaqggħu mal-mara tiegħu li kienet f’parti oħra mill-ħabs. Mike Bongiorno, li kien preżentatur fit-TV Taljan, l-istess, kien għadu żagħżugħ mitfugħ il-ħabs u Swor Enrichetta laqqgħetu ma’ ommu.

    Kien sewwasew f’waħda minn dawn il-waqtiet li ħadmet biex tgħin li l-awtoritajiet tal-ħabs skoprew nota li hi kienet se tgħaddi mingħand persuna Lhudija lill-familja tagħha, u għalhekk tefgħu lil Swor Enrichetta fil-ħabs ukoll. Biex inħelset mill-ħabs kien indaħal għaliha l-Kardinal Schuster ta’ Milan; li kieku mhux għalih, kienet tispiċċa maqtula mill-Ġermaniżi. Bagħtuha f’post ieħor ‘il bogħod fejn kienu rikoverati persuni bi problemi ta’ saħħa mentali. Iż-żmien li għaddiet waħedha użatu biex tgħix ħajja ta’ talb u meditazzjoni. Kienet tgħid: ‘mhux dan li jien stess kont nissuġġerixxi lill-ħabsin, biex jużaw il-ħin tagħhom għat-talb?’

    Meta eventwalent spiċċat il-gwerra, hi reġgħet lura fil-ħabs ta’ San Vittore, u din id-darba hemm ġew sabet lil dawk li kienu għedewwa u spiċċaw hemm għax tilfu l-gwerra. Lilhom ukoll Swor Enrichetta fittxet li taqdi b’imħabba kbira.

    Il-messaġġ li tagħtina hu messaġġ ta’ mħabba mingħajr kundizzjoni, imħabba li tegħleb kull preġudizzju, imħabba sal-aħħar, u mħabba konkreta fl-affarijiet iż-żgħar u l-ħajja ordinarja ta’ kuljum.


    Ittra Miftuħa

    Nagħlaq dan il-ħsieb b’silta minn ittra miftuħa li kiteb proprju l-kappillan tal-ħabs ta’ San Vittore dakinhar tal-beatifikazzjoni ta’ Swor Enrichetta, fis-26 ta’ Ġunju 2011:

    “Beata sei tu, donna del Sorriso e dallo Sguardo pulito.

    Beato il tuo Volto sveglio che risveglia facce addormentate e volti troppo affaticati.

    Beato il tuo Cuore perché  dentro un carcere si è fatto universale.

    Beata sei tu, perché hai creduto all’azione creativa e creatrice di Dio!

    Beata sei tu che ancora oggi accendi il fuoco della fraternità!

    Beata sei tu Spugna di Dio, perché ancora Assorbi acceto e lo trasformi in vino buono per noi!

    La tua Beatificazione sia un po’ anche la nostra…”

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju


     

  •  

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti