-
Filwaqt li Caritas Malta tirrikonoxxi l-Baġit tal-2019 bħala baġit soċjalment sensittiv u taprezza li l-Gvern irrikonoxxa l-bżonn ta’ miżuri soċjali biex jindirizza l-bżonnijiet tal-‘working poor’ u ta’ dawk li huma żvantaġġati fis-socjetà tagħna, tibqà l-mistoqsija jekk il-ġid li qed jiġi ġenerat hux dejjem qed jitqassam b’mod adekwat u jekk iż-żiediet hux se jirrispondu biżżejjed għall-għoli tal-ħajja.
Fost il-miżuri sensittivi soċjalment insibu ż-żieda fiċ-childrens’ allowance għal min għandu anqas dħul, żieda fil-benefiċċji għal persuni b’diżabilità u persuni bi problemi ta’ saħħa mentali. Caritas tilqa’ b’mod pożittiv l-attentati li tindirizza s-sitwazzjoni gravi ta’ xi individwi li jiddependu mill-kera privata u li ma għandhomx housing adekwat. Iż-żieda sostanzjali fis-sussidju tal-kera; l-appoġġ għal persuni ta’ 40 sena ’l fuq biex ikunu jistgħu jaċċessaw self mill-banek biex jixtru proprjetà; u l-investiment fil-housing soċjali jgħin lil persuni li qed ibatu biex ikollhom saqaf adekwat fuq rashom.
Miżuri oħra li jolqtu lin-nies li naħdmu magħhom mill-qrib jinkludu; l-isforz biex tiġi eradikata l-Epatite Ċ, l-investiment fil-ħabs biex ikun hemm titjib fl-infrastruttura li tkun tista’ tipprovdi għal sistema ta’ kategoriji u sistema li verament tinkoraġġixxi r-riabilitazzjoni iktar milli l-kastig; l-investiment fil-youth work u l-kontinwazzjoni tal-in-work benefits li hi miżura li tat riżultat biex persuni ma jibqgħux jiddependu mil-benefiċċji. Caritas ukoll tilqà bis-sħiħ l-investiment fil-prevenzjoni u l-inċentivi għaż-żgħażagħ għax dejjem tibqà temmem li ‘prevention is better than cure’.
Filwaqt li taprezza dawn il-miżuri soċjali, Caritas Malta tesprimi t-tħassib dwar 5 oqsma:
- Fil-qasam tal-Edukazzjoni kien hemm stennija għal sforz iktar biex jinżammu t-tfal fl-iskola speċjalment d-drop outs mis-sekondarja. Hemm il-bżonn ta’ inċentivi għal familji li t-tfal tagħhom (speċjalment dawk taħt is-sittax) jieqfu jattendu l-iskola. Dawn jistgħu ikunu f’forma ta’ benefiċċju addizjonali għal familji bi dħul baxx jekk it-tfal tagħhom jattendu 90/95% tal-iskola. Drop outs kmieni mill-iskola huma assoċjati ma’ ħafna riskji u jipprevedu ħafna problemi soċjali fil-futur. It-titjib fil-livell tal-edukazzjoni u l-litteriżmu huma ċavetta biex persuna toħroġ mill-faqar.
- Filwaqt li kien hemm attentat biex jiżdiedu l-penzjonijiet għall-anzjani, tibqa’ l-mistoqsija jekk dawn iż-żidied humiex adegwati.
- Mistoqisja tibqa’ wkoll dwar jekk iż-żieda fil-paga minima hekk kif prevista f’baġits preċedenti u l-COLA hux se jkunu biżżejjed biex iwieġbu għall-għoli tal-ħajja. Caritas Malta tibqa’ ssostni l-bżonn ta’ paga minima li tagħti biżżejjed dħul għal ħajja diċenti u adekwata. Ma’ dan kull sforz possibbli għandu jsir biex ħadd ma jaħdem fil-prekarjat.
- Filwaqt li Caritas tilqa’ l-impenn f’dan il-baġit għal ħidma tal-prevenzjoni kontra l-abbuż tad-droga, tinnota li l-prevenzjoni primarja fl-iskejjel issaħħaħ il-konvinzjoni kontra d-droga ta’ tfal u żgħażagħ li huma f’riskju baxx ta’ esperimentar u użu tad-droga. Ħafna mill-programmi ta’ prevenzjoni fl-iskejjel kontra l-abbuż tad-drogi, fallew milli jilħqu biżżejjed lil dawk li huma f’riskju medju jew għoli ta’ esperimentar u użu tad-droga. Huwa stabbilit, li l-ambjent tad-dar għandu impatt akbar fuq l-iżvilupp akkademiku u soċjali tat-tfal, mill-ambjent tal-iskola. B’hekk l-isforz f’dan il-qasam ta’ prevenzjoni jinħtieġ li jkun ibbażat fuq programmi li huma evidence based u neċessarjament għandhom jinvolvu lill-ġenituri fi programmi ta’ parenting ferm kmieni fil-ħajja tat-tfal.
- B’referenza għar-riforma nazzjonali dwar il-kannabis, Caritas Malta tipproponi riforma nazzjonali aktar wiesgħa li tindirizza l-firxa wiesgħa tas-sustanzi u mhux il-kannabis weħidha. Caritas tibqa’ tittama li l-aċċess b’mod legali għall-kannabis jibqa’ biss għal skopijiet mediċinali u li titejjeb il-liġi dwar id-dekriminalizzazzjoni.
Fl-isfond tal-ħidma għall-iżvilupp ekonomiku u l-eliminazzjoni tad-defiċit, Caritas taspira għal pajjiż fejn ħadd ma jbati l-faqar u l-esklużjoni soċjali, fejn ħadd ma jħossu waħdu, fejn il-familja u s-sens ta’ komunità jibqgħu l-ogħla valuri li nħaddnu u naħdmu għalihom.
Caritas tagħraf li kien hemm tnaqqis fir-rata ta’ dawk f’caħda materjali severa fl-aħħar sentejn. Din setgħet tkun possibbli minħabba għajnuniet finanzjarji u oħrajn in kind (bħal mediċina b’xejn) kif ukoll għajnuniet minn entitajiet oħra bħal knisja u NGOs. Rajna ukoll żieda fil-qasma bejn il-fqir u s-sinjur (żieda fl-‘at risk of poverty’) in ġenerali u żieda sinifikanti fir-rata ta’ at risk of poverty għall-anzjani. Caritas Malta tibqa’ taħdem u titkellem għat-tqassim ekwu tal-ġid li qed jiġi ġenerat biex kulħadd jgħix ħajja dinjituża f’komunjoni sħiħa ma’ dawk tal-madwaru.