-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna -
Residenza tal-Anzjani San Vinċenz de Paul, Ħal Luqa
27 ta’ Settembru 2018L-Evanġelju li għadu kemm qara Patri Ivan jispiċċa b’din il-frażi: “Erodi qal: ‘Lil Ġwanni qtajtlu rasu; mela min hu dan li fuqu qiegħed nisma’ dan kollu?’ U beda jfittex li jarah” (Lq 9:9). Erodu beda jfittex biex jara lil Ġesù. Kien sema’ ħafna dwaru u forsi wkoll kien wasallu xi kliem sabiħ li Ġesù kien qed jgħallem: ‘Ħobb lil għadu tiegħek, imberkin il-foqra, imberkin dawk li jemmnu, imberkin dawk li jġibu l-paċi’ u ġietu kurżità kbira u xewqa kbira li jara lil Ġesù.
Din kienet ukoll ix-xewqa ta’ ħafna qaddisin; kienet xewqa kbira wkoll tal-qaddis tagħna San Vinċenż de Paul. Ħadt pjaċir nara u nirringrazzja ħafna lis-Segretarjat għall-Anzjanità Attiva u lill-awtoritajiet ta’ din ir-residenza ta’ kemm organizzajtu għall-festa tal-lejla b’din ix-xbieha sabiħa tal-qaddis fis-santi, fil-bnadar u fil-banners, li fiha naraw lil San Vinċenz de Paul ħabib tat-tfal iltiema, saċerdot li ta ħajtu għall-foqra.
Hu ħallilna kitba sabiħa u mhux twila ħafna li aħna naqraw bħallum il-festa tiegħu, kull 27 ta’ Settembru u fiha jgħidilna: “Aħna rridu nidraw naraw lil Ġesù fil-proxxmu tagħna b’mod speċjali fil-fqar”. Aħna għandna risposta għal dik ix-xenqa u xewqa kbira ta’ Erodi li jara lil Ġesù: lil Ġesù niltaqgħu miegħu fil-proxxmu. Dak li qiegħed ħdejk huwa xbieha ta’ Ġesù. Tgħidli: ‘Imma kultant narah ftit antipatku jew ma naqbilx miegħu f’kollox’. Ma jimpurtax, dak huwa l-Mulej Ġesù. L-istedina ta’ kull wieħed u waħda minna hija li nħobbu lil xulxin bħalma ħabbna hu u naraw lil Ġesù fil-proxxmu. Għaliex? Għaliex meta niltagħu miegħu wiċċ imb wiċċ se jgħidilna: “Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25, 35-36). U aħna ngħidulu: ‘Imma fejn, meta?’ “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Dak kollu li naghmlu mal-proxxmu tagħna l-Mulej jgħoddu magħmul lilu nnifsu.
San Vinċenz de Paul waqaf, u qallu: ‘Grazzi, din għalija. Għandek xi ħaġa għall-fqar?’ Lil dak is-sinjur ikkonvertih bl-umiltà u bil-paċenzja tiegħu.
L-Appostlu Missierna San Pawl inħasad huwa u sejjer lejn Damasku. Ġesù jgħidlu: “‘Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?’ Hu wieġeb: ‘Min int, Mulej?’ u l-leħen wieġbu: ‘Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah’ (Atti 9, 4-5). Lil Pawlu nimmaġinah jirrifletti ħafna fuq dan il-kliem ta’ Ġesù. Ġesù ma qallux għaliex qiegħed tippersegwita lid-dixxipli jew lill-Knisja tiegħu, imma jistaqsih: “Għaliex qiegħed tippersegwitani?” Għaliex Ġesù jgħodd magħmul lilu dak kollu li wieħed jagħmel mad-dixxipli tiegħu, mal-iżgħar fost ħutu. U allura kemm ġid isir fostna? Il-Mulej ma jinsihx. Illum bl-interċessjoni ta’ San Vinċenz de Paul, nitolbuh biex aħna naraw lil Ġesù f’xulxin.
Nieqaf billi ngħidilkom storja, li għedtha diġà lis-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis, għax hi storja mill-ħajja ta’ San Vinċenz de Paul li tolqotni ħafna. San Vinċenz de Paul kien imur Pariġi iħabbat il-bibien tas-sinjuri u jitlobhom il-karità għall-foqra. Darba ħabbat il-bieb ta’ dar sabiħa u ġie sid id-dar u lil San Vinċenz de Paul ħadu bl-herra u venvinlu daqqa ta’ ħarta. San Vinċenz de Paul waqaf, u qallu: ‘Grazzi, din għalija. Għandek xi ħaġa għall-fqar?’ Lil dak is-sinjur ikkonvertih bl-umiltà u bil-paċenzja tiegħu. Nimmaġina lil San Vinċenż de Paul bħalna; ftakar fi dnub li kien għamel u qal: ‘Ħaqqni, għamilt il-penitenza imma issa xorta għandi bżonn xi ħaġa għall-fqar għax dawk iridu jieklu’. Huwa ħeġġeġ ukoll lil ħafna nies nobbli ġo Pariġi biex jingħaqdu miegħu u kienu jagħmlu ħafna karità mal-foqra.
Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nitgħallmu mill-qaddisin li bil-paċenzja u l-umiltà nirbħu lil min hu supperv u nġagħluh bħalna jara lil Ġesù fil-proxxmu.
Kemm hi ħaġa sabiħa li pajjiżna hu magħruf għall-ġenerożità. Kull meta jkun hemm appell ta’ ġenerożità aħna l-Maltin nikkonkorru għaliha. Din hi ħaġa sabiħa u mbierka u ta’ min ikompliha u jberikha u jfaħħarha. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nitgħallmu mill-qaddisin li bil-paċenzja u l-umiltà nirbħu lil min hu supperv u nġagħluh bħalna jara lil Ġesù fil-proxxmu.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti