-
-
Mis-7 sat-13 ta’ Awwissu fi Grottaferrata l-Italja, seħħ it-2 appuntament tal-proġett OWLS (Opportunities + Willingness + Learning = Success) iffinanzjat mill-programm tal-Erasmus+ tal-Unjoni Ewropea. Il-protagonisti ta’ dan il-proġett kienu ż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika ġejjin minn Malta, l-Italja u r-Rumanija flimkien ma’ żgħażagħ mill-Polonja, l-Albanija, il-Moldova, l-Ukrajna, il-Bulgarija u Spanja. Kienet okkażjoni prezzjuża ta’ djalogu għas-60 żgħażagħ li ltaqgħu sabiex jitħaddtu fuq l-isfidi u s-suċċess tal-esperjenzi tagħhom fl-Azzjoni Kattolika u tal-volontarjat.
Dawn imbagħad ingħaqdu maż-żgħażagħ Taljani għal-laqgħa mal-Papa li saret fil-11 ta’ Awwissu. Il-pellegrinaġġi, organizzati minn madwar 200 djoċesi, iltaqgħu f’Circo Massimo ġewwa Ruma, madwar 70,000 żagħżugħ biex jitolbu u jiddjalogaw miegħu f’atmosfera ta’ festa kbira. Din il-festa estendiet f’Notte Bianca fejn, fost ħafna inizzjattivi, baqgħu miftuħa l-knejjes ta’ Ruma sa sbieħ il-jum tal-Ħadd 12 ta’ Awwissu. Il-Ħadd stess kien hemm l-għeluq taċ-ċelebrazzjonijiet b’quddiesa fi Pjazza San Pietru u t-talba tal-Anġelus.
Marija Cachia – Viċi President tal-AKM
F’dawn il-ġranet kellna l-opportunità nesperjenzaw fil-prattika l-Knisja Universali. Għexna flimkien, tkellimna flimkien u dħakna flimkien. Qsamna bejnietna d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom fil-ħidma tagħna maż-żgħażagħ u skoprejna kemm fil-verità hemm sfidi komuni għalkemm minn pajjiżi differenti. Rajna kif flimkien nistgħu ngħinu u ninkoraġġixxu lil xulxin.
Fuq kollox tkellimna fuq il-missjoni li kull Nisrani għandu sabiex ikun xhieda tal-fidi, xhieda tal-imħabba ta’ Alla. Hekk kif qegħdin fil-mixja lejn is-Sinodu dwar iż-Żgħażagħ, il-Fidi u d-Dixxerniment, hi xi ħaġa tassew sabiħa li stajna nesperjenzaw il-laqgħa tal-Papa maż-żgħażagħ tal-Italja. Kienet festa kbira ta’ ferħ, riflessjoni u inkoraġġiment. Kliem il-Papa li jistedinna biex noħolmu u nirriskjaw ċertament li laqgħat lil bosta persuni. Issa jeħtieġ li nħallu din l-esperjenza tiggwida l-ħidma tagħna. Irridu ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna u fil-ħolm tagħhom, irridu nħalluhom jiġru b’dik l-urġenza tal-appostli mal-aħbar tal-qabar il-vojt.
Kif qal il-Papa aħna rridu nħallu l-enerġija u l-entużjażmu żagħżugħ imissilna qalbna. L-Azzjoni Kattolika Maltija f’dan l-aspett se tkompli tinvesti fil-formazzjoni tal-membri tagħha u tistinka sabiex il-messaġġ tal-bxara t-tajba jasal għand iktar nies. Jien ċerta li l-membri taż-ŻAK preżenti għal din l-esperjenza ġew imqanqla dejjem iktar sabiex jiskopru s-sejħa li qed jagħmlilhom Ġesù u jieħdu r-riskju li jimxu warajh.
Karl Grech – ŻAK Mosta:Il-proġett OWLS kienet esperjenza liema bħalha. It-tagħlim li ħadt matul il-ġranet tal-kors kienu ta’ ċertu valur. Iżda l-iktar ħaġa li laqtitni kienu il-jumejn li qattajna f’Ruma matul l-avveniment ‘Per Mille Strada’ fejn fil-bidu bdejna b’laqgħa mal-Papa flimkien ma’ mijiet ta’ gruppi u għaqdiet ġejjin mir-reġjuni kollha tal-Italja. Kienet esperjenza partikolari li tara u tisma’ kliem il-Papa fejn wieġeb mistoqsijiet li jirrelataw mal-familja kif ukoll mal-inġustizzji li jeżistu u għalfejn jeżistu. Ngħid għalija l-aktar ħaġa li ħalliet (u se tkompli tħalli) impatt fuqi kien l-ammont kbir ta’ għaqdiet Kattoliċi li jeżistu madwar l-Italja li tant jagħmlu ġid u qatt ma jinsew li l-missjoni tagħhom tiġi mill-perspettiva li tara l-potenzjal f’kulħadd speċjalment f’dawk l-aktar fil-bżonn, kif wara kollox iridna nagħmlu Alla. Din l-imħabba lejn ir-reliġjon tagħna u x-xogħol kbir li jsir min-naħa ta’ dawn il gruppi ttini kuraġġ kbir f’dinja fejn qed twarrab ċertu valuri u tagħti iktar importanza lill-affarijiet materjali milli lill-affarijiet li verament iġibu l-kuntentizza fil-qalb, fosthom is-solidarjeta` u s-servizz lejn l-oħrajn. Fl-aħħar nett, dejjem inkompli napprezza l-kulturi diversi li ltqajt magħhom matul dawn il-ġranet li ġegħluni naħseb ftit mhux ħażin u offrewli wkoll mod differenti kif tistà tħares lejn ċertu affarijiet bħal fosthom il-mod li bih twassal messaġġ. Ħareġ ukoll l-element ta’ ġudizzju li persuna mhijiex biss kif tidher imma dak kollu li għandha x’toffri u tgħid, fost ħafna affarijiet oħra. Huma esperjenzi bħal dawn li jgħinuk tikber b’mod ħolistiku u jwessgħulek il-perspettiva tiegħek.
Iona Gravina – ŻAK Ħal TarxienFil-ġimgħat li għaddew kelli ċ-ċans li nipparteċipa fil-proġett OWLS. Dan il-proġett tani l-opportunita` biex flimkien ma` membri oħra mill-Azzjoni Kattolika, tlajna flimkien Ruma sabiex niltaqgħu ma’ żgħażagħ oħra ġejjin min pajjiżi differenti. Waqt dawn il-jiem kellna bosta workshops fejn esplorajna l-importanza tal-volontarjat minn oqsma differenti. Stajna nirriflettu dwar il-benefiċċji u s-sagrifiċċji li persuna trid tagħmel sabiex tkun ta’ servizz għal ħaddiehor. Kellna bosta mumenti fejn qsammna l-istorja tagħna fl-Azzjoni Kattolika b’mod partikolari l-irwoli li għandna fl-organizzazzjonijiet tagħna. Mument li mhux ser ninsa huwa bla dubju iż-żjara tagħna sabiex niltaqgħu mal-Papa. Kienet esperjenza unika għaliex kellna ċ-ċans nisimgħu l-mesaġġ li l-Papa ried iwassal lilna ż-żgħażagħ. Tana l-kuraġġ sabiex nibqgħu naħdmu u ma naqtgħux qalbna iżda nkomplu noħolmu u nieħdu riskju b’mod għaqli. Matul dawn il-jiem kellna wkoll bosta mumenti fejn tlabna flimkien u stajna nirriflettu fuq l-importanza li nkunu magħqudin f’Azzjoni Kattolika waħda għaliex għandna għan wieħed, dak li nkunu ta’ servizz għal ħaddieħor f’isem il-Mulej. Din l-esperjenza kienet fundamentali sabiex nsaħħu relazjoni tajba ma’ żgħażagħ oħra li jagħmlu parti mill-Azzjoni Kattolika, bit-tama li ‘l quddiem ikollna iktar attivitajiet flimkien. Dan il-progett kompla jagħtini aktar motivazzjoni sabiex inkompli l-missjoni tiegħi li nwassal it-tgħallim ta’ Ġesu` ma’ żgħażagħ oħra.
Leanne Bonello – ŻAK Siġġiewi
Din l-esperjenza ħalliet impatt pożittiv fuqi. Kelli ċ-ċans nitgħallem aktar fuq il-volontarjat waqt li nisma’ l-esperjenzi ta’ żgħażagħ oħra minn pajjiżi differenti. Fl-aħħar jumejn kellna ċ-ċans naraw lill-Papa Franġisku ġewwa attività f’Circo Massimo u l-Vatikan fejn l-Papa kellimna dwar il-ħolm tagħna biex nieħdu r-riskji, nħobbu, u nkomplu nagħmlu t-tajjeb. Kienet esperjenza mimlija emozzjonijiet, speċjalment meta kelli ċ-ċans naqsamha ma eluf ta’ żgħazagħ oħra! Esperjenza li mhu se ninsa qatt!
2 -
-
-
-