• L-Isqof Awżiljarju Elett, Mons. Joseph Galea-Curmi, ltaqa’ ma’ missjunarji Maltin imxerrda mad-dinja u li bħalissa jinsabu Malta għal btala. Għal-laqgha li saret f’Dar l-Emigrant, il-Belt Valletta, attendew saċerdoti Maltin li qed jagħmlu ħidma missjunarja fl-Awstralja u fil-Pakistan, u sorijiet li qegħdin f’Gaża, il-Brażil, il-Pakistan, l-Ukrajna u l-Indja. Attendew ukoll soċi tal-M.U.S.E.U.M. missjunarji f’Kuba, Londra u l-Albanija.

    Fil-messaġġ tiegħu, Mons. Galea-Curmi rringrazzja lill-Kummissjoni Emigranti fi ħdan il-Knisja f’Malta u lill-missjunarji tal-ħidma tagħhom li qed ipoġġu fil-prattika kliem il-Papa Franġisku: li nkunu Knisja li toħroġ u tmur għand dawk li jinsabu fil-periferiji tas-soċjetà u Knisja bil-bibien tagħha miftuħa li tilqa’ lil kulħadd. Huwa rringrazzja wkoll lil MISSIO Malta (l-Opri Missjunarji Pontifiċji) tal-għajnuna li jagħti lill-missjunarji Maltin.

    Din il-laqgħa ġiet organizzata mill-Kummissjoni Emigranti flimkien mal-Uffiċċju Missjunarju. Il-laqgħa mas-saċerdoti, reliġjużi u lajċi Maltin ilha ssir għal aktar minn 50 sena b’apprezzament għall-ħidma li jwettqu fl-artijiet tal-missjoni barra minn Malta.

     

  • Ritratti: Knisja.mt/ritratti