Konkatidral ta’ San Ġwann

8 ta’ Frar 2012

Ħuti,

Aħna lkoll ħadna l-aħbar bil-ferħ li Patri Prospero Grech, Agostinjan kien magħżul mill-QT il-Papa biex ikun wieħed fost il-kardinali li se jiġu mogħtija l-kardinalat fil-Konċistoru tat-18 ta’ dan ix-xahar.  U fit-triq lejn din il-kardinalat, illum lil P. Prospero Grech il-Knisja se tagħnih bl-ordinazjoni episkopali. Issa waqt din iċ-ċelebrazzjoni huwa se jsir Isqof.

U meta aħna naraw l-istorja tas-salvazzjoni, naraw li l-qofol ta’ l-istorja tas-salvazzjoni  hija l-inkarnazzjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu, l-Iben t’Alla li sar bniedem.  U fil-mument li l-Iben t’Alla sar bniedem, huwa ssoġġetta lilu nnifsu bħala bniedem għall-limitazzjonijiet umani.  U allura biex il-grazzja tiegħu tkun grazzja li tibqa’ għal dejjem u tibqa’ miexja għall-eternita, kellu bżonn li huwa jwaqqaf Knisja, jagħnieha bid-doni li huma tiegħu ħalli din il-Knisja, f’kull post u f’kull żmien, tkun tista’ twassal il-grazzji ta’ Sidna Ġesu Kristu.  U aħna qegħdin hawnhekk bħala Knisja biex nilqgħu dawn il-misteri u l-grazzji li ġabilna Sidna Ġesu Kristu fl-inkarnazzjoni tiegħu.

Mhux hekk biss talli Sidna Ġesu Kristu, meta kien fostna, ta l-qawwa tiegħu lill-appostli. U meta ta l-qawwa tiegħu lill-appostli biex huma jkunu minn floku lill-appostli huwa tahom l-qawwa li jikkonsagraw, jordnaw persuni oħrajn ħalli jkunu jistgħu jieħdu posthom.  U dawn huma l-1sqfijiet.  Din il-qawwa ġiet mogħtija darba biss: Ġesu taha lill-appostli u għalhekk aħna nitkellmu fuq suċċessjoni appostolika.  Illum il-qawwa li se tingħata lil P. Prospero Grech hija dik il-qawwa li ngħatat fil-bidu mingħajr ma tfixklet fiż-żminijiet imma ġiet mgħoddija minn persuna li rċeviha għal-persuna li kellu jirċeviha.  U għalhekk id-don li aħna se nagħtu permezz tal-ordinazzjoni episkopali lil P. Prospero Grech hua l-istess don li Sidna Ġesu Kristu ta lill-appostli tiegħu.

Ħa ngħidilkom xi jgħid id-dokument tal-Konċilju Vatikan II il-Lumen Gentium fuq il-karattru ta’ l-Isqfijiet.  “Jidher ċar illi bit-tqegħid ta’ l-idejn u bil-kliem tal-konsagrazzjoni tingħata lill-Isqfijiet il-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu u jimmarka ruħhu fihom karattru mqaddes.  Hekk illi huma jkollhom b’mod eminenti u viżibbli sehem mill-istess Kristu għalliem, ragħaj u saċerdot u jaġixxu fil-persuna tiegħu” (LG 21).  Dan huwa l-Isqof!  U jiena nixtieq li naraw x’inhuma il-ħidmiet u l-grazzji li l-Knisja tagħti lill-Isqfijiet, halli nkunu nafu xi jfisser dak li aħna lkoll se nkunu xhieda tiegħu illum.

L-Isqof huwa l-ewwelnett l-inkarnazzjoni tar-Ragħaj it-tajjeb. Sidna Ġesu Kristu hu r-Ragħaj it-Tajjeb f’kull post u f’kull żmien imma hemm bżonn li jerġa jiġi nkarnat f’persuna li tista’ taqa’ taħt is-sensi tagħna u kapaċi nisimgħuha u narawha u nmissuha.  U dawn b’mod speċjali huma l-Isqfijiet.

Fl’ewwel lezzjoni tal-lum aħna rajna lil Isaija jitkellem fuq dak li huwa ikkonsagrat mill-Ispirtu u jibagħtu Alla l-Imbierek fost il-poplu tiegħu.  Ma nafx indunajtux, imma l-qofol ta’ dik il-kelma ta’ Isaija hija il-bniedem, il-bniedem b’mod speċjali li qiegħed ibati, li jrid ikun il-qofol ta’ dak li l-Mulej jikkonsagra. Għaliex Alla tagħna f’Sidna Ġesu Kristu huwa Alla li fiċ-ċentru tiegħu għandu ’l-bniedem għax għalhekk huwa bagħat lil Ibnu, offra lil Ibnu għas-salvazzjoni tagħna.  Aħna fiċ-ċentru ta’ Alla u allura ma jistax ikun li l-Isqof ma jkollux fil-ħidma tiegħu il-bniedem, l-aktar dak li huwa batut, li huwa jkollu l-ferħ li jista’ jaqdi.

L-Isqof huwa wkoll dak li b’mod speċjali huwa x-xandar tal-kelma.  Aħna naraw dan fl-istess dokument li semmejt qabel u jgħid hekk dan id-dokument fuq l-Isqifjiet: “Fost id-dmirjiet prinċipali tal-Isqijiet jiżboq fuq kollox dak tal-predikazzjoni tal-Evanġelju”.  U dan għaliex il-kelma t’Alla li l-ewwel kienet persuna, saret ktieb.  Għalhekk għandna il-Vanġelu, b’mod speċjali . Il-ħidma tal-Knisja hija li ma tħallix il-kelma t’Alla ktieb, imma tagħmilha kelma ħajja.   U dan isir permezz tal-predikazzjoni b’mod speċjali permezz ta’ dawk li huma mibghuta bħala Isqfijiet biex ixandru l-kelma.

Ejjew niftakru x’qal S. Pawl Appostlu fit-tieni lezzjoni tal-lum: “Permezz tal-Evanġelju li għalih jien kont magħmul predikatur, appostlu u mgħallem” (2 Tim 1, 11). F’dan id-don moghti lil-Isqfijiet il-komunita nisranija kollha għandha tara dak li hu x-xandir ġenwin ta’ dik li hija l-kelma t’Alla, li Alla l-Imbierek tahilna permezz ta’ Sidna Ġesu Kristu. L-Isqof huwa dak li flimkien ma’ l-Isqfijiet kollha għandu wkoll l-awtorita flimkien mal-QT il-Papa li jaghmel dan.  Anke hawnhekk naraw l-imħabba kbira ta’ Alla l-Missier lejna l-bnedmin li beda mill-ħtiġijiet tagħna u kien jaf li aħna wkoll għandna bżonn l-awtorita biex inkunu nistgħu nkunu poplu t’Alla.  Awtorita li tagħmilna ħaġa waħda, awtorita li titlob kemm minn dak li jirċeviha, kemm minn dak li huwa parti tal-poplu t’Alla, li titlob minna ubbidjenza sħiha. Il-Papa Benedittu XVI propju din is-sena, fil-bidu tas-sena, fid-29 ta’ Jannar, meta kien qiegħed jispjega lil żewġ isqfijiet li kien qiegħed jordna x’jiġifieri l-awtorita fil-Knisja, spjegaha b’dan il-mod:  Għal Alla awtorita tfisser servizz, umilta`, imħabba u li tidħol fil-loġika, jgħid il-Papa, ta’ Sidna Ġesu Kristu, loġika li permezz tagħha huwa ħasel ir-riġlejn ta’ l-appostli, loġika li permezz tagħha huwa mar ifittex lil dawk kollha li kienu batuti.  Hija awtorita li sservi, hija awtorita li flimkien mal-Knisja kollha hija sinjal ta’ l-unita` tal-Knisja.

L-Isqof għandu wkoll il-milja tas-saċerdożju.  Tafu li l-Ordni Sagri, wieħed mis-sagramenti, għandu tlett, biex ngħidu hekk, forom ta’ ordinazzjoni. Hemm id-djakni, hemm is-saċerdoti, jew il-presbiteri, u hemm ukoll l-Isqfijiet li għandhom il-milja ta’ dan is-saċerdozju.  U s-saċerdożju skont il-loġika ta’ Alla l-Imbierek huwa maħsub għaliex huwa ried li kull grazzja li aħna nirċievu b’mod speċjali permezz tas-sagrament, kollox ikun medjat permezz ta’ persuni oħrajn.  Kull grazzja li aħna nirċievu hija medjata.  Anke l-ordinazzjoni episkopali li se jirċievi llum il-Kardinal Elett hija medjata permezz ta’ Isqfijiet oħrajn.  U allura Alla l-Imbierek ta lill-episkopat il-grazzja ta’ dan is-saċerdozju propju fil-milja tiegħu. Saċerdot huwa medjatur, huwa dak li permezz tiegħu jistgħu jgħaddu l-grazzji kollha li għandha bżonn il-komunita` ekkleżjali biex tkun tista’ tgħix il-missjoni nisranija tagħha.

U fl’aħħarnett, l-aħħar kelma li xtaqt ngħid hi li l-Isqof huwa x-xhieda tal-Knisja kollha.  Tafu li l-ministeru tal-Knisja ma jibdiex mill-ġerarkija, imma jibda mill-missjoni tal-Knisja li kif rajna fil-Vanġelu tal-lum hija li l-Knisja kollha tkun melħ tal-art u dawl tad-dinja.  Dak il-kliem li qal hemmhekk Sidna Ġesu Kristu jgħodd għall-Knisja bħala komunita`,  imma propju f’din il-Knisja li hija komunita,  Alla l-Imbierek jibgħat b’mod speċjali bħala xhud tal-valuri Kristjani ta’ dak li huwa Sidna Ġesu Kristu lil-Isqof biex ikun hu li jħeġġeġ, li janima, li jmexxi lill-poplu nisrani biex jagħmel din il-missjoni li hu jkun melħ tal-art u dawl tad-dinja.  Il-Komunita` Nisranija trid li jkollha s-saħħa tagħha b’mod speċjali mill-Isqof u għalhekk l-Isqof irid ikun ħafna qrib tal-Mulej Ġesu ħalli dak li jagħti lil ħaddieħor, l-ewwel jirċevih hu, imbagħad jgħaddih lill ħaddieħor.  Dawn huma d-doni prinċipali li llum se jingħataw b’mod speċjali lil Kardinal elett P. Prospero Grech.

Jiena xtaqt li nagħlaq din ir-riflessjoni tiegħi billi nikkwota lil S. Pawl.  L-ebda kelma li nista’ nlissen jien, ma jista’ jkollha l-forza tal-kelma li smajna fit-tieni lezzjoni tal-lum, S. Pawl qiegħed ikellem lil wieħed Isqof li kien jismu Timotju u qed jagħtih xi paririr. U dawn huma l-kliem li għażilt jien u li l-Appostli Missierna S. Pawl qed jgħid lil Timotju u llum S. Pawl qiegħed jgħidhom ukoll lil Kardinal elett.  “Li tqajjem fik id-don ta’ Alla li jinsab fik bit-tqegħid ta’ idejja…  Ħares bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina, it-teżor sabih li kien fdat f’idejk. Afda fil-qawwa ta’ Alla li salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa mhux għax qies l-għemejjel tagħna imma skont il-pjan tiegħu stess u skont il-grazzja tiegħu” (ara 2 Tim 1, 6-14).  Waqt li aħna nkomplu b’din iċ-ċelebrazzjoni dawn huma x-xewqat li jien nitxieq li naghmluhom it- talba taghna li ser nagħmlu flimkien waqt li nassistu għal din iċ-ċelebrazzjoni tal-ordinazzjoni episkopali tal-Kardinal elett P.  Prospero Grech.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta