Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

14 ta’ April 2012

Eċċellenza President ta’ Malta u Sinjura Abela,

Il-ferħ tal-Għid, li huwa l-ferħ tal-Mulej Irxoxt, qed jimla lil qlubna f’dawn il-jiem. Huwa ferħ li ġej miċ-ċertezza li l-Mulej huwa ħaj fostna, il-komunita’ tiegħu. Illum dan il-ferħ tagħna jieħu – biex ngħidu hekk –  tifsira miżjuda għax bħala l-komunita’ Nisranija ġewwa Malta qegħdin niċċelebraw is-seba’ anniversarju mill-bidu tal-Pontifikat tal-Papa Benedittu XVI.

Il-liturġija tal-lum, li hija dik tat-Tieni Ħadd tal-Għid, tgħinna fir-riflessjoni tagħna waqt din iċ-ċelebrazzjoni.

1.         Fis-silta tal-Evanġelu li għadha kemm ġiet imħabbra lilna, rajna lil Kristu Rxoxt li deher lill-Appostli f’żewġ okkażjonijiet differenti: dakinhar tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u mbagħad tmint ijiem wara. Ġesu’, rebbieħ fuq il-mewt, jiltaqa’ mal-komunita’ tad-dixxipli tiegħu. Naturalment, ma kienx biżżejjed li huma sabu l-qabar tiegħu vojt, il-qabar fejn kien tqiegħed il-Ġimgħa. Kien importanti li huma jagħmlu esperjenza diretta tiegħu mqajjem mill-imwiet. Ġesu’ ried li huma jarawh b’għajnejhom u jisimgħuh ikellimhom biex iqawwilhom  qalbhom. Tumas, biex jemmen, ried saħansitra jmiss il-pjagi ta’ Ġesu’ li issa għandu ġisem glorjuż. Ġesu’ ried jagħti lill-Appostli tiegħu l-possibilta’ li jagħmlu esperjenza diretta tiegħu. Kienet esperjenza li kull wieħed minnhom għamel personalment, imma wkoll esperjenza li huma għamlu flimkien bħala komunita’. Kif smajna fis-silta, Ġesu’ mhux biss tahom il-paċi tiegħu, imma ried ukoll iġedded il-ħbiberija tiegħu magħhom, u huma miegħu.

Kemm-il darba, il-Papa Benedittu XVI, waqt l-omeliji u l-kitbiet tiegħu, kif ukoll waqt il-vjaġġi pastorali tiegħu, jisħaq fuq dan il-punt: il-ħbiberija personali ma’ Ġesu’. Dan huwa reġa’ qalu meta ltaqa’ maż-żgħażagħ mid-dinja kollha waqt il-Jum Dinji għaż-żgħażagħ, f’Awwissu li għadda ġewwa Madrid. Il-proposta tal-Papa tgħodd għal kulħadd. Tgħodd għalina lkoll. Ejjew inħarsu lejn din il-proposta bħala sfida. Ejjew nagħmlu minn kollox biex kull wieħed minna – fil-ħajja personali, fir-responsabiltajiet differenti li għandna, fil-kuntatti li jkollna ma’ tant persuni differenti – iżomm din il-ħbiberija ma’ Ġesu’ bħala d-dawl li tmexxih.

2.         Fit-Tieni Qari tal-lum smajna silta mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu li jagħmel emfasi fuq l-imħabba ta’ bejnietna. Qalilna hekk: “Minn dan nafu li nħobbu lil ulied Alla, meta nħobbu ‘l Alla u nagħmlu l-kmandamenti tiegħu”. Imbagħad qalilna: “Għax din hi l-imħabba ta’ Alla, li nżommu l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu mhumiex tqal; għax kull min hu mwieled minn Alla jegħleb lid-dinja. Din hi r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna” (1 Ġw 5, 2-4).

Ilkoll nafu li llum ukoll qed ngħixu f’dinja, f’soċjeta’, f’kultura li spiss ma taċċettax it-tagħlim ta’ Ġesu’, jekk mhux ukoll tkun ostili għalih. Dan aħna narawh u nħossuh, u forsi jista’ jiġrilna li naqtgħu qalbna. U l-Mulej illum qed jgħidilna permezz tal-Kelma tiegħu: “Din hi r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna” (1 Ġw 5,4).

Il-Papa Benedittu, sitt xhur ilu, ħabbar iċ-ċelebrazzjoni tas-Sena tal-Fidi li, kif tafu, tibda f’Ottubru li ġej. Hija sena li matulha l-Papa jixtieq li aħna napprofondixxu l-fidi tagħna permezz tat-tagħlim u tal-katekeżi. Jien nistedinkom biex torbtu din il-proposta li l-Papa qed jagħmel lill-Knisja kollha ma’ dak li smajna llum fit-Tieni Qari: “Din hi r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna” (1 Ġw 5,4). Aħna li għandna fidi f’Ġesu’, aħna li qed nagħmlu esperjenza ta’ Ġesu’ u tal-kelma tiegħu għandna responsabilta’ li nipproponu l-messaġġ tiegħu, din il-kelma lid-dinja ta’ madwarna. Hekk inkunu qed nagħtu s-sehem, anke jekk ċkejken, tagħna, għall-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida li hija tant għal qalb il-Papa.

3.         Smajna wkoll, illum, fl-Ewwel Qari, silta qasira – imma qawwija – mill-Atti tal-Appostli. Smajna dwar l-imġieba u l-atteġġjamenti tal-membri tal-ewwel komunita Nisranija: “Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien… Ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn… Kien jitqassam kollox skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed” (Atti 4, 32.34-35). Huwa ċar li l-membri tal-ewwel komunita’ Nisranija għarfu d-doveri li kellhom lejn xulxin. Kienu jwieżnu lil xulxin. Kienu jaqsmu l-ħajja tagħhom flimkien. Nistgħu norbtu din ir-riflessjoni ma’ wieħed mid-diskorsi reċenti li għamel il-Papa.

Fi tmiem l-aħħar vjaġġ pastorali li huwa għamel – vjaġġ li tant irċieva attenzjoni mill-midja – qabel ma telaq mill-gżira ta’ Kuba, ġimagħtejn u nofs ilu, il-Papa Benedittu talab li “d-dawl ta’ Kristu jgħin lill-poplu kollu biex irawwem armonija soċjali … biex jiffjorixxu dawk il-valuri nobbli li huma l-pedament ta’ soċjeta’ miftuħa, soċjeta’ imġedda u rikonċiljata… Iftħu qalbkom għall-Evanġelju li tassew iġedded il-ħajja personali u soċjali tagħkom” (Ajruport Jose’ Marti’, Havana, 28.3.2012).

Din tista’ tkun it-talba tagħna wkoll: li niftħu qalbna għall-Evanġelju u għall-qawwa rebbieħa tal-Mulej Irxoxt; li nikbru fil-ħbiberija tagħna ma’ Ġesu’; u li nwasslu b’responsabilta’ l-fidi tagħna lil ħaddieħor. U dan kollu, nagħmluh f’rabta mal-Papa Benedittu u t-tagħlim li hu jwasslilna. Nitolbu wkoll, matul din il-Quddiesa, biex il-Mulej ikompli jagħti d-dawl u d-dehen lill-Papa Benedittu fil-qadi tal-missjoni tiegħu.

+ PAWLU CREMONA O.P.

Arċisqof ta’ Malta

Agħfas fuq ir-ritratti biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]