Knisja Parrokkjali  S. Ġorġ, Ħal-Qormi

1 ta’ Marzu 2013

Ħuti, smajna fil-kummentarju li dawn l-erba’ żgħażagħ qegħdin joffru lilhom infushom għas-sagrament tal-Ordni Sagri. Bħalma lkoll nafu l-Mulej ma ħallinhiex weħidna imma tana grazzji speċifikament għal diversi mumenti tal-ħajja tagħna. Tana l-magħmudija meta nitwieldu, tana l-ikel fl-Ewkaristija, tana l-maħfra, is-sagrament tal-penitenza u tana ukoll il-konfermazzjoni bħala qawwa ġdida minn għand il-Mulej meta nibdew nilħqu l-età tal-adulti.

Imma, minbarra dawn is-sagramenti li huma ta kull wieħed u waħda minna, Alla l-Imbierek fl-imħabba tiegħu qal: x’inhu li jagħmel aktar qawwi l-preżenza tiegħi fil-poplu tiegħi? Għalhekk għamel l-ewwel is-sagrament taż-żwieġ għaliex il-komunità Kristjana trid tikber permezz taż-żwieġ nisrani. Tana l-Griżma tal-Morda għal dawk il-mument tant diffiċli meta aħna nkunu wasalna biex inbatu fil-mard jew quddiem il-mewt. Il-Mulej kien jaf li kull komunità nisranija, bħal kull komunità umana, għandha bżonn xi wħud li jmexxuha u għalhekk tana s-sagrament tal-Ordni Sagri. Is-sagrament tal-Ordni Sagri għandu tlett tarġiet differenti. Hemm it-tarġa tad-djakonat ta’ meta aħna niftakru fid-djakni ta’ l-ewwel Knisja, għandna l-presbiterat meta niftakru li Sidna Ġesù Kristu fl-aħħar ċena għamel il-presbiteri biex ikomplu dak li għamel hu u għandna ukoll il-veskovat, l-Isqfijiet, li allura għandhom il-milja ta’ dak li Alla l-Imbierek, permezz ta’ Ġesù Kristu ta lill-appostli tiegħu.

Aħna li qed niċċelebraw illum huwa dawn l-erba’ żgħażagħ li diġa ħadu l-ministeru tal-Lettorat biex jaqraw b’qawwa fil-Knisja, il-ministeru tal-Akkolitat biex iservu fuq l-altar u llum huma quddiem il-Knisja kollha, pubblikament talbu lill-Knisja biex tilqagħhom ħalli huma jkomplu jimxu f’din it-triq li twassalhom għad-Djakonat u l-Presbiterat. Huwa dak li qegħdin niċċelebraw illum u ngħidu grazzi lill-Mulej l-ewwelnett għal dan il-pjan tiegħu u t-tieni ngħidulu grazzi lill-Mulej għax baqa’ jagħżel żgħażagħ fostna biex jaqdu lilu u jaqdu lil Knisja b’dan il-mod.

Il-lezzjonijiet tal-lum jagħtuna dawl fuq dak li qegħdin niċċelebraw illum. Fil-Vanġelu tal-lum għandna lil Sidna Ġesu Kristu jgħid parabbola. F’din il-parabbola Ġesù qal li Alla l-Imbierek kien qassam l-għelieqi tiegħu lil dawk li kellhom jaqduh, fdahom, imma ddiżappunta ruħu ħafna għaliex ma ridux jagħtuh il-frott li huma suppost kellhom jaħdmu għalih.

Mela din hija l-ewwel riflessjoni li aħna rridu nagħmlu: meta nimxu lejn id-djakonat u l-presbiterat, il-Mulej se jistaqsina mhux biss inti kif imxejt fid-dawl tal-Mulej, imma se jistaqsi lil kull wieħed u waħda minna: u inti għamiltu l-frott? U l-frott żammejtu għalik forsi? Jew inkella ma ħdimtx biżżejjed biex ikollok il-frott x’tagħti lura lill-Mulej? U din hija l-mistoqsija li jagħmel lilna lkoll: djakni, presbiteri u isqfijiet.

Xi tfisser tagħti l-frott? F’San Pawl lir-Rumani llum kellna tweġiba: biex twassal lil bnedmin għall-ubbidjenza tal-fidi fi Kristu Ġesù. Dik hija l-ħidma tagħna bħala presbiteri u bħala djakni. Aħna ma rridux nagħtu kont biss tagħna nfusna imma rridu nagħtu kont ukoll tal-għalqa li l-Mulej afdalna f’idejna. Kemm ħdimna biex ikollna frott u kemm il-frott ma żammejniehx għalina imma offrejnih lil Mulej. Ngħidulu ara x’għamilt Mulej, ara x’qed nafdalek, lil dak, lil dik, u dawn jien wassalthom għandek bil-grazzja tiegħek. U dak huwa l-ewwel dawl: mill-lum il-quddiem jew meta tibdew tieħdu l-Ordni Sagri tħarsux biss lejkom infuskom, ħarsu lejn dik il-għalqa li l-Mulej bagħatkom biex taħdmu fiha f’ismu.

Fit-tieni lezzjoni tal-lum aħna kellna l-esperjenza ta’ S. Pawl qiegħed jikteb lir-Rumani. Jekk hemm bniedem li nistgħu ngħidu li hu ta’ xhieda quddiemna, huwa propju S. Pawl. U kif ipoġġi lilu nnifsu quddiem il-komunita nisranija? F’din il-lezzjoni hemm tliet kelmiet li mportanti li aħna lkoll niftakruhom. L-ewwel: ‘jiena qaddej’. Is-saċerdot, għalkemm irid ikollna rispett lejh għax il-Mulej għażel lilu biex jimxi mal-merħla, imma hu l-qaddej tagħkom. Aħna l-qaddejja tagħkom għax il-Mulej għalhekk ħatarna kif qal San Pawl.

It-tieni kelma li qal San Pawl hija li l-Mulej afdah bil-kelma tiegħu, bil-kelma tal-Mulej, U jgħid hekk: il-kelma, l-Evanġelju li hija l-kelma t-tajba tal-Mulej. Aħna msejħin mhux biss biex nagħtu l-kelma imma biex nagħtu l-kelma t-tajba lil hu Sidna Ġesu Kristu. Għax hu l-aħbar it-tajba, mhux il-ktieb tal-Vanġelu. Jekk il-ktieb tal Vanġelu ma jwassalniex biex aħna jkollna dik l-esperjenza personali ta’ Ġesù hemm xi ħaġa nieqsa fina jew fikom.

It-tielet kelma li jgħid San Pawl hija li huwa l-appostlu tal-Mulej. Appostlu tfisser mibgħut. Kemm hu sabih li s-saċerdot jibqa’ jiftakar ħajtu kollha li xejn mhu tiegħu, kollox huwa tal-Mulej u l-Mulej jista’ jibagħtu f’kull post. Għandek l-ubbidjenza biex tagħmel din il-ħaġa li ma ġietx biss mis-superjur tiegħek imma ġiet għaliex jiena mibgħut mill-Mulej u wegħdtu li jien nobdih lil Mulej u nimxi fit-triqat tiegħu. Dan huwa San Pawl, San Pawl li huwa qaddej, San Pawl li huwa appostlu, San Pawl li huwa l-predikatur tal-kelma t-tajba, tal-aħbar it-tajba.

San Pawl jitkellem iktar fuq dan il-ministeru tiegħu fil-lezzjoni li smajna llum. Jgħid: aħna lil min naqdu? Aħna naqdu lil dak li fih innifsu bħala bniedem huwa min-nisel ta’ David, imma aħna naqdu wkoll lil dak li permezz tal-Ispirtu huwa l-Iben ta’ Alla. U allura il-ħidma tagħna trid tippreżenta lil Kristu sħiħ. Irridu nippreżentaw lil Kristu li huwa l-Iben t’Alla. U kif tista’ tippreżentah jekk Alla ma jkunx ġo fik? Kif tista’ tippreżentah jekk ma jibqax ikun hemm din il-grazzja minn għand Alla li kontinwament inpoġġu ġewwa fina? Ma jkollniex x’nagħtu ħlief lil Kristu bniedem biss, jew forsi lilna nfusna. Imma mhux lilu.

Igħid ukoll San Pawl li rridu nippreżentaw anke lil Ġesu bniedem. Kemm hu sabih li Sidna Ġesù Kristu urina hu kif kien bniedem biex jaqdi lil Missier. U allura lilna qed jurina kif aħna nistgħu naqdu lil Kristu bniedem u nkunu medjaturi ta’ dak li jrid jidher mill-grazzja ta’ Kristu. Kemm hu sabiħ, u kemm hi qawwija, u kemm għandna x’ nirringrazzjaw lil Mulej għal dawn il- grazzji kbar enormi, grazzji ta’ bidla fil-persuna umana u li hu qed jafdahom f’idejna. Imma qed jafdahom f’idejna mhux bħala grazzja għax il-grazzja hija tiegħu, imma qed jafda f’idejna l-medjazzjoni tal-grazzja: kif nitkellem, kif naħseb, kif inħobb, kif naqdi lil oħrajn. Dan huwa Kristu li aħna rridu nippreżentaw.

Għalhekk ħuti, illum l-ewwelnett f’isem il-Knisja nirringrazzjakom għaliex ilqajtu s-sejħa ta’ Alla l-Imbierek fil-ħajja tagħkom, nitlob lilkom bħala komunità nisranija biex tkomplu titlob għalina, ħalli inkunu nistgħu naqdukom ħafna u bil-fedeltà.

✠ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta