Konkatidral, San Ġwann

6 ta’ Marzu 2013

Ħuti bħalma għidna fil-bidu aħna ġejna flimkien għal-żewġ raġunijiet. L-ewwelnett biex nirringrazjaw lil Alla l-Imbierek u lill-Ispirtu s-Santu li nebbah lil-kardinali li kienu flimkien biex jagħżlu lil Papa Benedittu XVI, Josef Ratzinger, biex ikun il-Papa tagħna. It-tieni raġuni għaliex ġejna hawnhekk illum hi li aħna qegħdin nistennew bil-ħerqa papa gdid, u għalhekk se nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex il-Kardinali li diġa huma mlaqqgħin flimkien, jagħrfu jagħżlu dik il-persuna li llum għandna bżonn biex tmexxina propju fil-mixja tal-Kristjaneżmu, tal-Kattoliċiżmu.

Jiena ħsibt li llum nagħmlu ftit riflessjonijiet flimkien u l-mistoqsija li ppruvajt inwieġeb hija din: x’suppost ikun Papa u x’suppost kien il-Papa Benedittu? U jiena biex nagħmel din ħadt xi episodji mill-ħajja ta’ Kristu fil-laqgħa tiegħu ma’ Pietru. Smajtu fl-ewwel lezzjoni: il-wirt Petrin. Il-Papa dejjem ikollu l-wirt ta’ San Pietru. Imbagħad fit-tieni biċċa naraw ftit meta Ġesù tela’ s-sema u allura Pietru, l-ewwel bniedem li kellu jmexxi l-Knisja, kif sab ruħhu biex dak li tgħallem minn għand Kristu jkun jista’ jgħixu hu.

Mela ħa naraw ftit, Alla l-Imbierek, Sidna Ġesù Kristu x’ried minn għand Pietru. L-ewwel ħaġa li Sidna Ġesù Kristu qal lil Pietru kienet: ejja warajja. U din Sidna Ġesù Kristu qalielu darbtejn, biex jimxi warajh. Tafu li l-ewwel waħda kienet fil-bidu, imbagħad it-tieni waħda kienet waqt il-problemi tal-ħajja ta’ kuljum. U allura anke l-Papa irid jwieġeb għas-sejħa t’Alla mhux darba biss, meta jagħżluh, imma l-ħajja tiegħu trid tkun mixja bħalma kienet ta’ Pietru u hekk ikollu jagħmel għażliet li jibqa’ jimxi wara l-Mulej biex idawwal lilna. Aktar u aktar għaliex San Pietru qal lil Ġesù dik il-kelma li jiena midneb; umilta` enormi biex quddiem Ġesù tgħidlu jiena midneb. U Ġesù minflok ma jitfixkel għax qallu jiena midneb, lil Pietru għamlu dak li kellu jmexxi l-Knisja tiegħu. Waħda mill-affarijiet li konna naraw fil-Papa Benedittu kienet propju l-umilta` tiegħu. Kulħadd, u kull min resaq lejh induna b’liema umilta` kien qed iġorr it-toqol tal-Papat tiegħu: b’dik it-tbissima, dik l-umilta` kollha.

Mela nibqgħu mexjin fuq il-kliem ta’ Sidna Ġesù Kristu lil San Pietru. Qallu dan il-kliem: Jiena nikkonfermak fil-Mulej, u wara inti ikkonferma lil ħutek. U hawnhekk qed naraw kif Sidna Ġesù Kristu tah il-missjoni diġa lil San Pietru mhux biss li jmexxi imma li jmexxi skont ma’ għallem Sidna Ġesù Kristu dwar kif għandu jkun il-mexxej. Jiġifieri bl-eżempju, jiġifieri bil-qawwa li jagħtik l-Ispirtu s-Santu meta tibqa’ titlob għaliha. U nafu li l-Papa Benedittu f’ħajtu, anke meta kien jitkellem miegħek, kont tħossok at ease miegħu, tħossok ma xi ħadd li mhux qiegħed fuq pedestal, imma xi ħadd li qiegħed miegħek u qiegħed jimxi miegħek. Din hi l-esperjenza tieghi mill-ftit ċans li kelli linitkellmu mieghu. Il-kura li hu kien juri lejn kulhadd hija xi ħaġa tal-għaġeb.

Sidna Ġesù Kristu lil Pietru qallu: Inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi. Tafu li Pietru kien jismu Xmun, għalhekk ġieli ngħidulu Xmun Pietru. Pietru hija kelma li ġejja mill-kelma latina li tfisser ġebla, blata. Ġesù: inti tibda tissejjaħ Pietru għaliex fuqek nibni l-Knisja tiegħi. Meta kien elett il-Papa Benedittu kien hemm ħafna li qalu: U dan ta’ tmienja u sebgħin sena kif jista’ jkun hu Papa, tant huwa dgħajjef? Imma niżżuħajr ’l Alla, bid-dgħufija kollha ta’ bniedem ta’ tmienja u sebgħin sena għamel dak li kellu jagħmel u kien blata għal Knisja kollha, biex ma ngħidx għall-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, għaliex hu ma afdax fuq is-saħħa fiżika tiegħu imma fuq l-Ispirtu li jagħtih l-qawwa kollha biex imexxi.

Darba, tiftakru, meta kien hemm Ġesù u beda jgħidilhom: Imma n-nies min jgħidu li jien? U kien jemm SAN Pietru u qallu: Inti l-Messija bin Alla. U Ġesù jgħid dan il-kliem: Mhux bnedmin għallmuk dan, imma kien l-Ispirtu, Missieri fis-smewwiet li għallmek dan il-kliem li jien il-Messija Bin Alla. U dak il-ħin meta qal dak il-kliem, Sidna Ġesù Kristu ried jurina li l-għerf tiegħu, id-dawl tiegħu irid jgħaddi wkoll permezz ta’ Pietru. U aħna nafu kemm fit-tmien snin li ilu fil-kariga, l-Papa Benedittu imlina bl-għerf tiegħu, kemm bl-enċikliċi tiegħu, kif ukoll bil-kotba tieghu. It-tliet enċikliċi l-aktar importanti huma: Deus Caritas Est, Spe Salvi, u Caritas in Veritate. Fiil-kotba tiegħu li għamel fuq Sidna Ġesù Kristu, jurina kemm verament daħal fil-profond fil-meditazzjoni tiegħu. Ma kienux kotba biss ta’ teologu imma kotba ta’ xi ħadd li fih innifsu ikun veru qed jimmedita lil Sidna Ġesù Kristu.

Fl-aħħar għandna kelma oħra ta’ Pietru. Il-Mulej kien qed jitkellem fuq l-Ewkaristija u l-Mulej Ġesù induna li ġo fihom kienu qegħdin jitfixklu. Kif tista’ tgħidilna li aħna se nieklu lilek, il-ġisem tieghek u nixorbu d-demm tiegħek? Kif jista’ jkun? U hemmhekk għamlu qabża ta’ fidi. Jaqbeż Pietru u jgħidlu: Mulej, għand min immorru? Int biss għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem. Hawnhekk hawn qabża ta’ fidi. Ma tistax l-ewwel tirraġuna imbagħad temmen, imma l-ewwel temmen, imbagħad tibda tirraġuna fuq dak li temmen.

Fl-Atti tal-Appostli naraw kif San Pietru għex propju dan il-ministeru tiegħu, kopja ta’ dak li qallu Sidna Ġesù Kristu. Ħa nfakkarkom daqsxejn mill-episodji mill-Atti tal-Appostli. Għandna eżempju meta Sidna Ġesù Kristu qallhom: “morru fid-dinja kollha u xandru l-bxara t-tajba.” U nafu li San Pietru għamel din il-missjoni tiegħu li hu jmur jipprietka. B’mod speċjali il-prietka tiegħu kienet dejjem lil-Lhud li kienu ikkonvertiti imma hu kien imur għandhom biex jemmnu aktar u jsaħħaħhom fil-fidi.

It-tieni ħaġa li naraw hi kif San Pietru ħa ħsieb ta’ l-oħrajn għaliex ħadem ħafna għal dik li aħna smajna fit-tieni lezzjoni u fil-Vanġelu li kienet l-għaqda ta’ dawk li jemmnu f’Sidna Ġesù Kristu. Hawn niltaqgħu mal-ewwel Konċilju, il-Konċilju ta’ Ġerusalemm. Naqraw fl-Atti tal-Appostli li allavolja l-ewwel li tkellem ma kienx Pietru, imma meta kien hemm tilwima allura dak il-ħin tkellem Pietru bil-qawwa li għandu flok Ġesù u qalilhom x’għandhom jagħmlu. Kemm hu sabiħ tara lil Pawlu, bniedem bħal dak, jgħidlek jiena ma rajt l-ebda appostlu għax il-Mulej kien li għallimni, ħlief, lil Kefa, lil Pietru: Ovvjament dak il-ħmistax il-ġurnata li għamlu flimkien min jaf kemm qallu affarijiet sbieh Pietru lil Pawlu.

It-tielet ħaġa u hawn niftakru fil-mirakli ta’ Ġesù. Meta Pietru u Ġwanni kienu deħlin fit-tempju, kien hemm xi ħadd talabhom il-flus, għax ma kellux. U l-kelma ta’ Pietru kienet: flus m’għandniex x’nagħtuk, għandna xi ħaġa waħda x’nagħtuk: lil Sidna Ġesù. F’isem Ġesù, qum u imxi. U f’isem Ġesù, dak beda jimxi għax ħa lil Ġesù mingħand Pietru. Il-mirakli ta’ Ġesù bdew jidhru anke permezz ta’ San Pietru.

Ir-raba ħsieb, Pietru kellu rivelazzjoni ta’ Kornelju ċ-ċenturjun u li kien permezz ta’ Pietru l-ewwel li l-kelma t’Alla bdiet tinxtered ukoll fost il-pagani, mbaghad kompliet bil-predikazzjoni ta’ SAN Pawl. Hawnhekk aħna nistgħu niftakru fil-vjaġġi tal-Papa Benedittu, anke fl-eta li hu kellu, xorta għamel dawk il-ħafna vjaġġi biex iwassal il-Kelma t’Alla. Nirringrazzjaw lil Mulej, li kellna wkoll ix-xorti li nilqghuh fostna hawn Malta.

L-aħħar kelma hija dwar meta San Pietru beda jkellem lil appostli biex jagħtihom propju l-qawwa tal-appostolat li l-Mulej kien ta lilu. Għalhekk illum, ħuti, ejjew nitolbu għal dawn l-affarijiet. L-ewwelnett nirringrazzjaw lil Alla li kellna lil Papa Benedittu li rajna dawn il-kwalitajiet fih. It-tieni nitolbu biex il-Papa li jintagħżel permezz tal-kardinali li nemmnu li jinżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu jkun verament persuna li kapaċi jgħix dak kollu li għex San Pietru.

✠ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta