Konkatidral S. Ġwann

29 ta’ Marzu 2013

Ħuti, smajna r-rakkont tal-passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu. Huwa rakkont li jqanqlek u jekk tħares lejh mill-għajnejn ta’ Sidna Ġesù Kristu nikkonsidraw li kien hemm ħafna weġgħat f’din l-passjoni, u mhux it-tislib biss.

Fil-fatt naħseb li waħda mill-weġgħat kbar li kellu Ġesù f’din l-passjoni kienet il-fatt li hu ltaqa’ ma’ xi ħadd, Pilatu, li ma kienx jaf il-verita“, u meta Ġesù offrilu li jurih il-verita“, għaliex qallu li jien għalhekk ġejt biex nixhed għall-verita“, Pilatu ċaħadha. Pilatu ma aċċettax dik l-istedina li għamillu Ġesù. Min jaf x’weġgħa kien hemm fil-qalb ta’ Ġesù aktar u aktar għax hu f’ħajtu, kif naqraw fil-Vanġelu, kemm il-darba iltaqa’ ma’ persuni li ġew jisimgħuh. Per eżempju, Nikodemu, wieħed mill-kapijiet tal-Lhud li ġie bil-lejl jistaqsi lil Ġesù ħalli jitgħallem. Żakkew li minn fuq siġra ried jarah imma iktar minn hekk ħadu d-dar tiegħu biex ikun jista’ jisimgħu. U Pilatu, nistgħu ngħidu b’suppervja, ma ridtx jisma’ t-tweġiba ta’ Ġesù għall-mistoqsija tiegħu, x’inhi l-verita“.

Illum aħna ġejna hawnhekk biex naraw x’inhi l-verita` li kienet moħbija taħt dawn l-ġrajjiet. Dak li kien moħbi, imma qiegħed hemm żgur wara dawn il-ġrajjiet kollha kien Alla l-imbierek. Pilatu kien jaf l-allat li jpattuha lil xulxin li huma l-allat tal-gwerra. U Ġesù, kieku ħallih iwieġbu għal dik id-domanda kien jgħidlu: le, Alla mhuwiex hekk għax Alla huwa dak li minn fuq is-salib f’isem Sidna Ġesù Kristu qal: “Jien għandi l-għatx” (Ġw 18, 28), l-għatx għall-erwieħ. Hu dak Alla tant iħobb lil bniedem li kien lest li jħejji s-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu biex hu jkun jista’ jmut għalina l-bnedmin. U Ġesù jgħid: jien mhux se nixrob il-kalċi li Missieri bagħtli, is-salib li ħejjili? Kieku Pilatu baqa’ jisma’ lil Ġesù biex jara x’inhi l-verita`, kien jifhem min kien Ġesù.

Ġesù ma kienx wieħed li ġie msallab għaliex għamel xi ħaġa ħażina, imma Ġesù kien dak li minn fuq is-salib ħafer lil bnedmin kollha. Dak l-bniedem Ġesù ma kienx xi qattiel imma dak li ħa fuq spallejh id-dnubiet tagħna lkoll, mhux tiegħu għax hu ma kellux dnub, biex hu jkun jista’ jdawwar id-dnubiet tagħna fil-grazzja tal-maħfra. U kieku lil Ġesù Pilatu staqsih: imma għidli ftit x’inhuma dawn in-nies li sejrin isalbuk? Ġesù kien jgħidlu: dawn huma nies li kapaċi jinbidlu. Tant hu hekk kien qed iħares lejhom b’ħafna ħniena, u minn fuq is-salib Ġesù qal: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”. Waqt li Pilatu baqa’ fil-qoxra ta’ dawk in-nies bil-krudelta` kollha li kellhom f’dak il-mument, Sidna Ġesù Kristu daħal fihom u nduna li ġewwa fihom hemm il-possibilta`, għaliex huma xbieha ta Alla l-Imbierek, biex huma jinbidlu, u jmorru lejn il-maħfra u lejn Alla l-Imbierek.

U kieku Pilatu staqsih: imma x’inhi t-tifsira ta’ din il-ġrajja li aħna qegħdin ngħixu fiha llum? Ġesù kien jgħidlu: din il-ġrajja hija ħafna iktar wiesa’ minn dak li qed tara int. Int qed tara wieħed imsallab fiż-żmien u f’post determinat imma l-verita` hi li dak li hu l-Iben t’Alla mhuwiex magħluq għal post u żmien determinat, imma f’dak il-ħin, dak it-tislib kien qed isir għall-umanita` kollha, kemm dawk li ġew qablu u dawk li kellhom jiġu warajh. Il-ġrajja kienet ġrajja li fiha kien hemm id-divinita` tal-Iben ta’ Alla.

U kieku Pilatu staqsih u qallu: U dik il-mara li qed naraha ħdejk, dik min hi? Ġesù ma kienx jieqaf u jgħidlu: dik hija ommi, kif rajna li jgħid lil Ġwanni. Imma kien jgħidlu: dik hija mara li kienet ilha tlieta u tletin sena tistenna biex hi tkun hawn. Għax il-Madonna ma kienetx hemm għax kumbinazzjoni kienet fil-viċin jew għaliex marret wara Ġesù. Imma kienet hemm għaliex darba fit-tempju meta semgħet dak il-kliem: “Sejf jinfidlek qalbek”, il-Madonna għexet ħajjitha bit-tama li tkun ħdejn Binha meta jkun qed isofri mhux għax ħadet gost, ovvjament, imma għaliex kienet taf li Binha għandu bżonn il-preżenza ta’ Sidtna Marija, ta’ ommu ħdejn is-salib biex ikun jista’ jkollu daqsxejn togħma ta’ mħabba f’dik il-krudelta` kollha li kien mdawwar f’dak il-mument tas-salib.

Din hija l-verita`, ħuti, u għalhekk aħna ġejna hawn illum. Aħna ma nistgħux ngħidu bħalma qal Pilatu: “U x’inhi l-verita`?” u nieqfu hemm. Għax illum qed nisimgħu lil Ġesù li qiegħed jgħidilna: il-verita` jien ġejt nixhed għalija, u din hija l-verita`, u dan li għandkom temmnu li jien mitt għalikom. Jalla, ħuti, din il-ġrajja li umanament tweġgħalek qalbek, timlina bil-kuraġġ u bir-radd il-ħajr biex inkomplu nimxu wara l-Mulej Ġesù f’dawn il-ġranet tal-Għid.

✠ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta

Ritratt: Photocity, Valletta