Parroċċa tal-Madonna tas-Sacro Cuor

9 ta’ Ġunju 2013

Ħuti, l-ewwelnett nistqarr il-ferħ tiegħi li qiegħed fostkom biex nagħmel il-vista pastorali fil-parroċċi tagħkom tas-Sacro Cuor, u parti mill-parroċċa hija propju din il-komunità li tiltaqa’ hawnhekk. Wieħed mid-dmirijiet sbieh tal-Isqof huwa li jżur kull parroċċa. F’Malta għandna 70 parroċċa, jiena għamilt il-vista pastorali f’57 u għad fadalli 13. Jekk il-Bambin irid, is-sena d-dieħla nkun għamilthom kollha.

X’inhi Vizta Pastorali? Propjament tkun fil-parroċċa, u parroċċa għandha żewġ realtajiet. Għandha r-realta tal-komunità parrokkjali u għandha r-realta tal-limiti tal-post fejn din il-komunità trid tagħmel l-appostolat tagħha. Biex ngħiduha fi ftit kliem: dan ikun hemm isqof li xi darba fiż-żmien, ra komunità li qed tikber hawnhekk f’dan il-post, imbagħad qata’ biċċa minn tas-Sliema u taha lil din l-komunità biex tkun tista’ tevanġelizzaha. Allura ż-żewġ mistoqisjiet li għandna nagħmlu dejjem, l-ewwel waħda hija: kif mexjin bħala komunità? U t-tieni mistoqsija hija: u x’qed nagħmlu biex dawk li huma ’l bogħod jiġu magħna f’din il-komunità? Dawn huma żewġ mistoqsijiet li kull komunità bilfors trid tagħmel.

X’inhi komunità? Hija komunità ta’ nsara li qegħdin jgħixu l-istess ħajja ta’ Kristu li llum f’tas-Sliema, f’dan il-post, f’din is-sena qegħdin jagħtu lil dawk li ma jemmnux, l-esperjenza ta’ komunità li kienet temmen. Elfejn sena ilu Ġesù hekk kien jagħmel: kien ikun fost in-nies, jarawh kif kien jgħix il-ħajja tiegħu u huma jitħajru biex ikunu bħalu u jsiru nsara. U aħna għandna l-missjoni li nagħmlu l-istess.

Ħa nfakkarkom xi tfisser li tkun komunità skont Sidna Ġesù Kristu. Ħames affarijiet differenti. Mhumiex tqal, nistgħu niftakruhom imma importanti li niftakru fkull wieħed minnhom. L-ewwel ħaġa li għamel il-Mulej Ġesù meta huwa beda jipprietka, tiftakru, mhux l-ewwel mar jipprietka, l-ewwel li għamel mar ġabar madwaru xi dixxipli biex ikunu miegħu. Ġesù qatt ma pprietka waħdu. Ġesù kull darba li nisimgħuh fil-Vanġelu jipprietka, jagħmel dan flimkien mad-dixxipli li hemm madwaru. Jiġifieri l-ewwel ħaġa li għamel Sidna Ġesù Kristu li ried jgħix f’komunjoni ma’ komunità li kienet temmen fih. Mela din hija l-ewwel waħda: komunità trid tagħraf lil xulxin mhux biss għaliex kumbinazzjoni aħna ġara ta’ xulxin, tmur iktar lil hinn, għaliex meta mbagħad jien niġi fil-komunità u ngħid: ara dak fil-komunità miegħi, dik fil-komunità niltaqgħu kull nhar ta’ Ħadd u jkun hemm bond li jikber iktar ma intom ilkoll tiddependu minn Sidna Ġesù Kristu. Il-komunjoni, ħuti, hija l-iktar ħaġa importanti li biha tingħaraf komunità. Tiftakru f’dak il-kliem ta’ Ġesù: “minn hemm jgħarfukom li intom dixxipli tiegħi jekk tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 13, 35). Dan irid ikun is-sinjal ta’ kull komunità li tiltaqa’ fit-tempju.

Imbagħad inkomplu sejrin fil-ħajja tiegħu u naraw li l-għemejjel ta’ Ġesù kienu tlieta differenti. Meta tisimgħu l-Vanġelu poġġuhom f’xi waħda minn dawn il-kategoriji. Ġesù kien jitlob, Ġesù kien jgħallem u Ġesù kien ifejjaq.

Ġesù kien jitlob. Kemm il-darba rajnih fil-Vanġelu imur waħdu fuq xi muntanja, f’xi post imwarrab jew inkella kultant jieħu xi wħud mid-dixxipli tiegħu, jitla’ hemm fuq u jitlob. U jitlob lil Alla l-Missier u hemmhekk Sidna Ġesù Kristu għallimna li, bħala Iben, hu ma setax jibqa’ mingħajr ma jitlob. Mela din hija l-ewwel waħda. Din il-komunità niżżuħajr ’l Alla u nirringrazzjaw lil dawk kollha li fil-liturġija ta’ din il komunità jippreparawlna biex nitolbu aħjar. Din tfisser meta nkunu f’parroċċa kummissjoni liturġija, dawk in-nies li joffru lilhom infushom biex jippreparaw il-post biex meta niġu aħna nkunu nistgħu nitolbu aħjar. Kull komunità irid ikollha dawk il-persuni, inkella tintelaq. Irid ikollha dawk il-persuni li jagħmlu mill-aħjar biex jippreparaw il-post, il-kant tal-komunità biex titlob aħjar.

"Ejjew inkunu verament komunità fid-dimensjonijiet kollha tagħha."

It-tieni ħaġa li għamel Ġesù meta kien fostna kien li Ġesù fil-fatt mar jgħallem. Ġesù kien idur minn post għall-ieħor jgħallem lid-dixxipli tiegħu l-ewwel fuq Alla l-Imbierek imbagħad, pereż li aħna xbieha tiegħu, jagħ;;imna wkollaħna min aħna. Jekk aħna xbieha tiegħu u Alla huwa daqshekk kbir u jħobb, aħna xbieha ta’ dak Alla li aħna nemmnu fih. Din hija d-dinjità kbira tagħna. U aħna llum wkoll f’kull komunità jkun hemm dawk li jgħallmu. Qabel, meta konna fi żmieni, meta konna ngħidu kummissjoni kateketika jew katekeżi konna niftakru biss fit-tfal iż-żgħar u dik baqgħet ma tfixklitx, imma llum minflok ma naħsbu biss fiż-żgħar il-katekezi ngħidu li għandna bżonnha anke aħna l-kbar. Kemm hu importanti li aħna jkollna kurżita biex insiru nafu lil Ġesù – ippermettuli nkun daqsxejn negattiv – daqskemm ikollna kurżita biex insiru nafu affarijiet oħrajn. U jekk niltaqa’ ma xi ħadd jiena, u dak ix-xi ħadd ma jkunx jaf fuq Ġesù, jekk jien ma nafx fuq Ġesù, x’se ngħidlu? Ngħidlu: tridtx nieħdok għand il-Father? Imma hu lilek qed ikellem! Sinjal li ra xi ħaġa li permezz tagħha ried ikellem lilek u jien jekk ma jkolliex ħażna ta’ dawk l-affarijiet li naf fuq Ġesù, x’se naqbad ngħidlu? B’mod speċjali il-ħbieb tagħna, mod speċjali dawk li niltaqgħu magħhom!

Tiftakru fit-tieni lezzjoni tal-lum (Gal 1, 11-19)? S. Pawl qiegħed jitlob lill-Galatin u tafu li S. Pawl il-konverżjoni tiegħu kienet f’daqqa fit-triq ta’ Damasku, imma ara taħsbu li S. Pawl ikkonverta u mar mal-ewwel jipprietka. Mhux hekk. L-ewwel mar fid-deżert, hu stess jgħid li Ġesù għallmu. Bħalma Ġesù għallem lill-appostli, Ġesù stess kien jgħallmu, u hekk qal: ‘jien ma ħadtu minn imkien it-tagħlim li naf għax kien Ġesù li tahuli’. U allura aħna ma nistgħux ngħidu li S. Pawl kellu bżonn li jkun jaf, u aħna le, ma tagħmilx sens. U naħseb li kultant – kelma oħra daqsxejn negattiva – aħna daqsxejn għażżenin. Ikollna ċelebrazzjoni li aħna nidħlu għaliha u dik hija ħaġa sabiħa ħafna u mbagħad jekk ikun hemm kors ta’ tagħlim fuq il-Vanġelu, aħna mmorrux għalih. Donna kultant aħna l-Maltin, mhux aħna biss, r-reliġjon għandna ġo fina r-reliġjon, imma x-xewqa biex ir-reliġjon nagħmilha fidi kultant inkunu daqsxejn għażżenin fiha, Biex inkun Nisrani tajjeb irid bilfors ikolli l-kurżità li nitgħallem min hu Ġesù.

It-tielet ħaġa li kien jagħmel Sidna Ġesù Kristu kienet li kienet dik li aħna llum ngħidulha diakonia – mhux importanti l-isem – id-diakonia hija l-qalb ta’ Alla l-Imbierek lejn li tiwqaf ma kull persuna li qed tbati. Kellna żewġ episodji llum, l-ewwel waħda fl-ewwel lezzjoni tal-lum (1 Slat 17,17-24) kellna l-profeta Elija li għamel miraklu, imbagħad fil-Vanġelu (Lq 7,11-17) kellna lil Sidna Ġesù Kristu. Ma nafx tajtux każ, din id-darba Ġesù m’għamielx miraklu għaliex xi ħadd talbu; din id-darba kienet is-sensittività ta’ Ġesù għal dik il-mara armla li kienet tilfet l-uniku tifel tagħha u allura kienet se tispiċċa f’ħafna faqar. U Ġesù fis-sensittivita tiegħu mal-ewwel daħal fiha u qal lil dik il-mara tibkix, u lil dak il-ġuvni qallu qum, u qajmu mill-mewt biex ikun jista’ jgħin lil ommu. U f’kull komunità nisranija, nippretendi anke fostkom, ikun hemm xi wħud li jkunu ħafna iktar attenti għal dawk li fil-komunità qegħdin ibatu. Per eżempju xi ħadd li jimrad, mhux għax mhux qed jiġi l-knisja, nħalluh, le, suppost skont Ġesù anqas ma jiġi, aktar irridu immorru aħna narawh ħalli verament dak li għamel Kristu fis-sensittivita tiegħu, nippruvaw nagħmluh aħna. Din hija r-ruħ tal-Knisja, hija l-qalb tal-Knisja. Ma nistgħux inkunu komunità sħiha jekk aħna ma nagħtux każ ta’ dawk li qegħdin ibatu, ma nkunux Kristu sħih.

L-aħħar ħaġa li xtaqt ngħid hija li Sidna Ġesù Kristu kien imur minn post għall-ieħor biex jara ’l dawk li huma mitlufin, bħalma kellna fil-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa, u dawk li jkunu mitlufin, li jkunu telqu huwa jerġa iġibhom lejn Alla l-Missier. Dan hu l-ħames aspett ta’ kull komunità, li tfittex barra minnha. Intom tridu tfittxu barra minnkom. Tafu kif jirraġuna Sidna Ġesù Kristu; kellna l-Vanġelu nhar il-ġimgħa tal-Qalb ta’ Ġesù. U Ġesù jirraġuna hekk. Nagħġa li ntilfet, jerġa jġibha lura, minflok jaħtafha, iħobbha. Jekk ikun hemm xi ħadd li jkun midneb magħruf u jkun bogħod u b’xi mod jew ieħor jiġi hawn, aħna rridu nagħmlu bħal Ġesù, mhux noqgħodu ngħidu: dan x’ġie jagħmel hawnhekk magħna? Aħna rridu nkunu bħal Ġesù, ngħanquh bħalma dak ir-ragħaj għannaq lil dik in-nagħġa li kienet mitlufa. Imbagħad Sidna Ġesù Kristu jgħid dak il-kliem: “Ikun hemm iktar ferħ għal midneb wieħed li jirritorna milli għad-99 li fil-fatt ikunu għadhom miegħu” (ara Lq 15, 7). Ir-raġuni hija ovvja, mhux għax iħobb iktar dawk li huma mitlufin, le, imma dawk għandhom iktar bżonnu! Lilna jkellimna, qegħdin hawnhekk, ikellimna; min hu mitluf u ilu ma jisma’ l-kelma t’Alla, biex irid jismagħha? Permezz tagħna! Kemm hu sabih meta kont qed naqra l-Vanġelu tal-lum u għandna hekk. Mela, Ġesù l-ewwel qajjem lil dan iż-żgħażugħ. Kemm hu għemil sabih u Ġesù lil dan iż-żgħażugħ li qam mill-mewt “Ġesù tah lil ommu”. Kieku aħna nagħmlu daqsxejn ta’ paragun, xi ħadd li huwa l-bogħod mill-Mulej u nkunu aħna li nġibuh lejn il-Mulej, min jaf kieku nagħmlu l-istess ħaġa, u aħna tajnih jew tajniha lill-Missier jew lil Missierha, tajniha lil Alla. Bħall-għemil ta’ Ġesù ma dak li kien mejjet fiżikament imma jista’ jkun hemm min hu mejjet spiritwalment.

Allura jiena nagħlaq hawnhekk. Ejjew inkunu verament komunità fid-dimensjonijiet kollha tagħha. Naraw dawn il-ħames affarijiet li jiena għidtilkom bihom, faċli ta. Nerġa nsemmihom biss. L-ewwelnett Kristu jgħix f’komunità, it-tieni Kristu jitlob, it-tielet Kristu jgħallem, ir-raba, Kristu jfarraġ u jsejjaħ, il-ħames Kristu li jmur ifittex lil mitluf. Jalla l-Mulej jagħtikom ilkoll li tinġabru bħala komunità u tissaħħu iktar f’dak li għamel Sidna Ġesù Kristu.

✠ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta