• Messaġġ tal-Arċisqof fil-professjoni perpetwa ta’ żewġ sorijiet

  • Knisja tal-Madonna ta’ Loreto, Gwardamanġa

    5 ta’ Ottubru 2013

    Ħuti, aħna ġejna hawnhekk biex nifirħu u nkunu xhieda għall-professjoni perpetwa ta’ Sr Paula u Sr Giorgann. Xi tfisser professjoni perpetwa?  Professjoni tfisser wegħda, perpetwa tfisser għal dejjem skont it-tlett voti evanġeliċi jiġifieri l-faqar, il-kastità u l-ubbidjenza, skont kariżma propja, f’dan il-kas il-kariżma hija tas-Sorijiet ta’ Angela Merici.

    Imma jiena xtaqt li nħalli l-lezzjonijiet tal-lum jagħtuna dawl fuq dak li qed jagħmlu dawn iż-żewġ sorijiet. U nixtieq li dan nagħmlu berbgħa kelmiet li nixtieq li s-sorijiet iżommu f’qalbhom, erbgħa kelmiet li aħna sibna fillezzjonijiet tal-lum.

    Mil-Vanġelu nislet il-frażi: “kattar fina l-fidi” (Lq 17,5). Għalina l-fidi ma tfissirx li int temmen f’xi ħaġa u tieqaf  hemm; għalina l-fidi tfisser fiduċja sħiħa. U dawn iż-żewġ sorijiet, b’att ta’ fidi kbir, se jħallu kollox warajhom mhux biex jibqgħu weħidhom imma għaliex għandhom il-fiduċja li l-Mulej, bil-mezzi tiegħu, kapaċi jieħu ħsiebhom u jmexxilhom il-ħajja tagħhom. Din trid fiduċja kbira li ‘l Mulej, għalkemm ma jidhirx, tħallih imexxik tul ħajtek kollha. Hemm dokument tal-Knisja fuq il-ħajja konsagrata li jgħid: tkun għaddej minn mument tajjeb jew tkun għaddej minn mument diffiċli, l-importanti li jdejk ikunu f’idejn il-Mulej Ġesù. U allura jekk nibqgħu f’idejn il-Mulej Ġesù xejn m’għandu jbeżżagħna. Aħna smajna l-kant tas-salm u diġa tana ħafna kuraġġ, xejn u xejn ma jista’ jfixkilna. L-aqwa li nżommu jdejna f’idejn il-Mulej Ġesù għax jekk nitbegħdu allura nkunu verament weħidna minkejja l-professjoni li nkunu għamilna.

    It-tieni kelma li jiena xtaqt naqsam magħkom hija l-kelma ‘qaddejja’. U fil-Vanġelu tal-lum, Kristu jgħidilna li anke jekk tkunu għamiltu kollox tajjeb, għidu: “aħna qaddejja mingħajr ma jistħoqqilna u allura li  ma niswew għal xejn” (Lq 17,10). Aħna lkoll nippruvaw li nkunu qaddejja wkoll, imma fil-kas ta’ dawn is-sorijiet, wieħed mill-voti li se jagħmlu huwa l-vot tal-ubbidjenza jiġifieri qed jgħidu li huma lesti li jaqdu. Nixtieq infiehem li għalkemm fis-soċjetà  li tkun qaddej hi xi ħaġa li tbaxxik, fil-kas tal-fidi tagħna, li tkun qaddej hija xi ħaġa li tgħollik, għaliex? Għaliex Sidtna Marija kienet qaddejja: “jiena l-qaddejja tal-Mulej, ha jkun minni skont kelmtek”. U Sidna Ġesù Kristu kien qaddej meta qal: “jiena ma ġejtx biex naħkem imma ġejt biex inkun nista’ naqdi”.

    Dawn iż-żewġ sorijiet illum qegħdin jagħmlu din il-professjoni tagħhom ta’ ubbidjenza. Ubbidjenza xi tfisser?  Tfisser li l-ħajja tiegħi, ġurnata b’ġurnata, inkun ferħan għaliex ma għamilthiex jien minn rajha imma għaliex għamiltha b’ubbidejnza lejn Alla l-Imbierek permezz anke tas-superjuri tiegħi. Dan huwa l-vot tal-ubbidjenza.

    Fit-tieni lezzjoni tal-lum aħna smajna lil San Pawl jgħidilna ” ħudu l-imħabba li hija il-qofol tal-perfezzjoni”. Aħna lkoll irridu ngħixu l-imħabba, imma fil-kas ta’ dawn is-sorijiet, huma għamlu vojt fl-imħabba tagħhom biex Alla l-Imbierek ikun jista’ juża l-imħabba tagħhom, fil-kas tagħhom għal dawn it-tfal u dawn it-trabi, permezz tal-vot tal-kastità. Il-vot tal-kastità ma jfissirx li aħna ningħalqu u ma nibqgħux inħobbu. Il-vot tal-kastità jfisser li noffrih imħabbti lil Alla, ma ningħalaq ġo familja waħda, imma lill-Mulej ngħidlu: ‘ħu mħabbti Mulej u użaha fejn hemm bżonn’. Fil-kas ta’ dawn is-sorijiet, l-imħabba jagħtuha l-ewwel lil Alla, għax l-imħabba tagħna trid tkun imħabba totali, imbagħad jgħixuha fil-komunità għax il-komunità tgħinna u tgħallimna nħobbu. Iimbagħad, ladarba l-Mulej tagħkom din il-kariżma daqshekk qawwija u daqshekk għall-qalb tal-Mulej li tieħdu ħsieb it-tfal u t-trabi f’ismu, tridu tħobbuhom f’ismu. Dawk li kellhom dritt biex ikunu mrobbijin, imdawrin fl-imħabba baqgħu b’xejn  għal xi raġuni jew oħra, u hawnhekk tidħlu intom is-sorijiet biex ikunu tistgħu tagħtuhom l-imħabba li hi tant nieqsa fihom.

    It-tielet kelma li aħna smajna fil-lezzjonijiet tal-lum kienet il-kelma li semmana Ħabakuk, wieħed mill-profeti tal-antik testment,  ‘l-istennija’ (Hab 2,5). Poplu li qiegħed taħt piż, poplu li mhux qed jara xejn ħlief dlam, f’daqqa waħda jiġi dan il-profeta u jgħidilhom din il-kelma: Stennew lil Mulej għax għad jiġi u ma jdumx!  U din hija l-wegħda li qed jagħmel lilna lkoll, imma f’dan il-kas, dawn iż-żewġ sorijiet mhux talli qegħdin jirċievu l-wegħda talli qed jipprovdulu vojt lill-Mulej permezz tal-vot tal-faqar biex huma jkunu jistgħu jaħsbu biss fl-eternità, fil-ħajja ta’ dejjem. Jekk m’għandek xejn fuq din l-art, x’tistenna? Tistenna dak li ġej u allura din l-istennija hija xi ħaġa li torbot ħafna mal-voti li se jagħmlu dawn iż-żewġ sorijiet illum.

    Nerġa nfakkarkom f’dawn l-erbgħa kelmiet bibbliċi u għożżuhom. L-ewwel kelma li smajna hija ‘l-fidi’, fiduċja, it-tieni kelma li smajna hija ‘qaddejja’, it-tielet kelma li smajna hija l-‘imħabba’, u r-raba’ kelma li smajna hawnhekk hija ‘stennija’. Taħt dawn l-attitudnijiet jinsab kull ma se naraw illum fil-voti perpetwi. Għalhekk nitlobkom li ninġabru flimkien, naraw dan il-misteru kbir, miraklu kbir li qed isir quddiem għajnejna u nitolbu lill-Mulej għal dawn iż-żewġ professi perpetwi ġodda.

      Pawlu Cremona O.P.

         Arċisqof ta’ Malta