• Messaġġ tal-Arċisqof fil-pussess tal-Arċipriet Fr Alex Cordina

  • Parroċċa ta’ San Pawl, il-Belt Valletta
    6 ta’ Ottubru 2013

    Għażiż Arċipriet, għeżież ħuti, illum se nibdew fażi oħra tal-mixja ta’ din il-parroċċa qrib il-Mulej għliex għandna arċipriet ġdid.

    Jiena xtaqt li nirriflettu fuq il-lezzjonijiet tal-lum għax fihom twissijiet ħafna importanti.  Kont nibda b’dak li qal San Pawl fl-Ittra lil Timotju (2 Tim 1,6-8,13-14): “ħares bil-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina, it-teżor sabiħ li ġie afdat f’idejk”. U meta  hawnhekk San Pawl beda jikteb fuq it-teżor, mhux qiegħed jikteb fuq il-fided. It-teżor sabih li llum se jingħata f’idejn l-arċipriet il-ġdid huwa propju l-komunità parrokkjali li hawn hawnhekk. Jekk aħna nqisu l-valur tagħna; li Alla l-Missier bagħat lil Ibnu biex ikun jista’ jsalvana, imbagħad jaċċetta s-salib ħalli jiena u inti nistgħu nkunu salvi, allura nifhmu kemm il-poplu t’Alla huwa verament teżor f’idejn il-Mulej. U llum se nafdawh lill-arċipriet il-ġdid biex ikompli jmexxi l-poplu tiegħu qrib ta’ Alla.

    Il-Vanġelu tal-lum (Lq 17,5-10) bdejnih b’dak il-kliem: “Kattar fina l-fidi”. U naħseb li llum din it-talba se tkun propju tal-arċipriet: kattar fija l-fidi, Mulej ħalli kull ma nagħmel, kull ma naħseb, ikun dejjem ħiereġ mill-fidi tiegħi. U l-fidi tiegħi hija meta jiena nafda lill-Mulej li kapaċi jimxi miegħi. U għal dan hemm bżonn li wieħed ikun ħafna qrib tal-Mulej.

    Inkomplu bil-Vanġelu u kellna dik il-kelma li Ġesu jgħid li meta nkunu qaddejja, aħna ma nistgħux nippretendu li aħna xi ħaġa, għalhekk gandna ngħidu: “aħna qaddejja li għamilna biss dak li kellna nagħmlu”. Ħuti, illum il-kelma qaddejja iddejjaqna fis-soċjeta imma lilna li aħna nemmnu fil-Vanġelu, ma ddejjaqnix meta ngħidu li l-arċipriet irid ikun il-qaddej. Ma ddejjaqnix għaliex? Għaliex tpoġġina fuq l-istess livell ta’ Sidtna Marija: “jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” u fuq ta’ Ġesu li qal: “jien ġejt biex niġi naqdi, mhux biex inkun moqdi”. U allura llum arċipriet tistħajlek bħal Ġesu fl-aħħar ċena, jaħsel riġlejn l-appostli tiegħu. Jieħu fardal li hu s-sinjal tal-qaddej u ma jiddejjaqx ikun il-qaddej tad-dixxipli tiegħu, biex jgħallimhom kif huma għandhom jitrattaw lill-oħrajn.

    Fit-tieni lezzjoni tal-lum aħna kellna silta sabiha ta’ San Pawl li qiegħed jikteb lil Timotju, dak li kien poġġa bħala isqof. It-twissijiet li jagħti lil Timotju huma verament grazzja li llum il-Mulej qiegħed jagħti lill arċipriet propju f’dan il-jum. Ħa naraw xi ħsibijiet li jgħid San Pawl. “Ħu ħsieb id-doni”, qed jgħid lil Timotju “li rċevejt bit-tqegħid ta’ idejja”. Tafu għal xiex qiegħed jgħid, għas-saċerdozju u jgħidlu: ħu ħsieb id-doni li jiena tajtek. Imma d-doni mhumiex ta’ Timotju bħalma d-doni mhumiex tal-arċipriet; id-doni huma t’Alla u b’mod speċjali huma s-sagramenti. L-arċipriet irċevihom minn għand il-Mulej biex ikunu għajnuna għalih ħaali hu jkun jista’ jmexxi l-poplu tiegħu.

    Fil-fatt minn hawn u ftit ieħor se naraw mixja mal-knisja li aħna se nagħmlu flimkien mal-arċipriet.  U se ngħaddu minn ħdejn il-battisteru u nberkuh għaliex wieħed mill-għodda, mid-doni li tah il-Mulej huwa li jgħamed lill-membri tal-poplu t’Alla. Se jieqaf fil-konfessinarju għaliex il-Mulej tah il-grazzja li hu jista’ jfejjaq lil kull min hu mtaqqal bid-dnubiet tiegħu u jagħtih il-ferħ. U se nieqfu quddiem l-Ewkaristija għaliex l-Ewkaristija hija l-ikel tal-poplu. Intom meta tarawna mexjin, itolbu għall arċipriet biex bħal ma qal San Pawl għal Timotju, dawn id-doni li huwa ħalla f’idejh huwa jkun jista’ jużahom għall-ġid tal-poplu tiegħu.

    U San Pawl qed jgħid lil Timotju li “Alla tana Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan”. U din hija l-imħabba li biha Sidna Ġesù Kristu ħabb lilna. Mijiex imħabba komuni, hija imħabba tar-ragħaj li jkun lest jagħti ħajtu. Hija imħabba ta’ ragħaj li lest li jħalli id-99 biex imur jiġri wara dik in-ngħaġa li ntilfitlu. Hija dik l-imħabba li permezz tagħha r-ragħaj kien jaf lin-nagħaġ tiegħu b’isimhom. Għalhekkjiena ngħid lill-arċipriet biex hu jkollu din il-forma ta’ mħabba, mhux nikkontentaw bi ftit, imma rridu nikkontentaw iktar kemm nersqu lejn il-Mulej b’dik l-imħabba li biha rnexxielu jiġbed ħafna nies lura lejh.

    Jgħid ukoll San Pawl lil Timotju: ‘kun xhieda quddiem l-oħrajn”. U l-arċipriet, bħal kull bniedem li jmexxi, li jkollu poplu li jkun qiegħed imexxih, irid ikun xhieda. U x-xhieda hija doppja. L-ewwel xhieda li arċipriet, kappillan, irid ikollu huwa quddiem il-poplu tiegħu stess ħalli bix-xhieda tiegħu, huwa jmexxi lill-poplu ħalli jkun iktar qrib ta’ Alla. It-tieni xhieda li l-arċipriet, irid jagħmel hi għal dawk li huma barra, li huma bogħod mill-knisja, biex permezz tax-xhieda tiegħu, u tagħna lkoll, aħna nkunu nistgħu inwasslu lill-kulħadd lejn il-Mulej.

    L-aħħar kelma li xtaqt li ngħid neħodha minn Ħabakuk. Ħabakuk beda jitkellem fuq il-mixja tal-Mulej u jgħidilhom; “tibżgħux għax il-miġja tal-Mulej se ssir u dalwaqt” (ara Ħab 2.3). Din hi  l-aħħar ħaġa li nixtieq ngħid lill-arċipriet: jekk hemm verament ħidma li hija ta’ kappillan u ta’ arċipriet, hija li jwassal lil-komunita kollha tiegħu lejn is-sema ma’ Sidna Ġesu Kristu. Il-veru suċċess, jekk aħna ngħidu suċċess, huwa li l-poplu li jkun miexi hawnhekk fit-triq, f’pellegrinaġġ, dan il-poplu jkun jista jasal fejn għandu jasal, quddiem Alla l-Imbierek permezz ta’ Sidna Ġesu Kristu.

    Nagħlaq billi nerġa nsemmi dak li qal San Pawl fil-bidu lil Timotju u nħalli b’mod speċjali lil arċipriet din il-kelma ta’ San Pawl: “ħares bil-għajununa tal-Ispirtu li jgħammar fina, it-teżor sabiħ li ġie fdat f’idejk” (2 Tim 1,14). Hawn hu t-teżor, f’din il-parroċċa, nawguralek li tieħu ħsiebu bħalma qed jgħid San Pawl lil Timotju.

      Pawlu Cremona O.P.

         Arċisqof ta’ Malta