• Messaġġ tal-Arċisqof fl-għoti tas-Sagrament tal-Konfermazzjoni

  • Knisja Parrokkjali tal-Mosta
    10 ta’ Novembru 2013

    Ħuti, l-ikbar rivelazzjoni li aħna għandna minn Ġesù huwa fuq Alla nnifsu. Qalilna: Alla huwa Missier, Alla hu Iben u Alla hu Spirtu s-Santu. Lid-dixxipli għallimhom li Alla għad jibgħat l-Ispirtu fuqhom. Hu kien jiddeskrivi lilu nnifsu bħala: Jiena u l-Missier ħaġa waħda. Imbagħad beda jgħallimhom ukoll dwar l-Ispirtu s-Santu.
    Darba Ġwanni l-Battista kien qiegħed jgħammed bil-magħmudija tal-indiema. Meta kien qed jgħammed li Ġesù f’daqqa waħda jaraw ħamiema nieżla fuq Ġesù u Ġwanni kien jaf li dak is-sinjal kien is-sinjal li dak hu l-Messija u li dak li niżel fuqu hu l-Ispirtu s-Santu. Għadda ftit żmien u Sidna Ġesù Kristu, kif rajna fil-Vanġelu tal-lum, mar ġewwa Nażaret, qabad il-ktieb ta’ Isaija u beda jaqralhom, u qara dan:  “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani biex jiena nkun nista nagħti d-dawl lil min ma jarax u nniedi s-sena l-ġdida lill-Mulej, is-sena qaddisa” (Lk 4, 18). U  d-dixxipli bdew jagħmlu daqsxejn ta’ mistoqsijiet. Imma allura jekk Ġesù bħala bniedem ġie kkonsagrat mill-Ispirtu s-Santu, kemm iktar aħna għandna bżonn li niġu kkonsagrati mill-Ispirtu s-Santu! U Ġesù fl-aħħar ċena, jiġifieri qabel ma miet, lill-appostli tiegħu qalilhom, tahom missjoni: “Morru fid-dinja kollha u xandru l-bxara t-tajba” (Mt 28,19), imma m’intomx se tkunu weħidkom għaliex jiena nibgħat l-Ispirtu tiegħi fuqkom biex intom tkunu tistgħu tagħmlu din il-missjoni. U hekk ġara.
    Iż-żgħażagħ tagħna llum kollha jafu kif sar dan il-miraklu. Kienu qegħdin miġburin flimkien imbeżżgħin u magħhom kien hemm xi ħadd, jiġifieri Sidtna Marija, u bdew jitolbu. U f’daqqa waħda sar dak li aħna smajna fl-ewwel lezzjoni (Atti 2,1-13). Instema ħoss qawwi li kien ifisser l-preżenza ta’ Alla l-Imbierek. U minbarra minn hekk, bdew neżlin ilsna tan-nar fuq kull wieħed minn dawk li kien hemm.
    Minn hawn u ftit ieħor, ħuti, se tarawni nagħti l-Griżma lil dawn iż-żgħażagħ u jiena mhux se ngħid: “Spirtu s-Santu inżel fuqhom ilkoll!” Mhux hekk. Wieħed wieħed u waħda waħda jiġu quddiemi u jien lil kull wieħed u lil kull waħda nagħtihom id-don ta’ l-Ispirtu s-Santu. Jiġifieri d-don ta’ l-Ispirtu s-Santu huwa don personali. Anke ahna li aħna kbar għandna nersqu lejn l-Ispirtu s-Santu u nitolbuh għax dak huwa don li l-Mulej ta personalment lil kull wieħed u waħda minna biex ikun jista jgħinna fit-triq tagħna.
    U f’daqqa waħda, meta niżlu dawn l-ilsna tan-nar, saret bidla kbira fl-appostli. Kienu qed jibżgħu, ma baqawx jibżgħu iktar; kienu magħluqin, ħarġu fil-beraħ biex jannunzjaw li huma ta’ Sidna Ġesù Kristu, bdew jitkellmu, qabel lanqas kien ikollhom il-kuraġġ li jitkellmu! U f’daqqa waħda bdew jitkellmu u jitkellmu b’mod li kulħadd beda jifhimhom.
    Fl-appostli ġara xi ħaġa kbira meta niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu. F’daqqa waħda d-diskors tagħhom inbidel u lkoll bdew jgħidu lill-Mulej biex jidħol ġewwa fihom u bdew jitkellmu bħalu, bħal Ġesù fuq l-umiltà, fuq il-grazzja, fuq dawn l-affarijiet li kien għallimhom il-Mulej Ġesù.
    Aħna bħala komunita nisranija, l-ewwel darba li nieħdu l-Ispirtu huwa fil-mument tal-magħmudija tagħna. Is-saċerdot, meta nkunu għadna trabi, jagħmel sinjal biż-żejt fuq ġbina biż- u hemmhekk inkunu rċevejna għall-ewwel darba l-Ispirtu s-Santu. Imma s-sagrament li qed nagħmlu llum nistgħu nsejħulu l-Griżma tal-Isqof għax jagħmlu l-Isqof, imma nistgħu nsejħulu wkoll konfermazzjoni, confirmation. Jiġifieri dak li t-tarbija ma setgħetx tifhem, allura kienu l-ġenituri f’ism it-tarbija li qalu li aħna naċċettaw il-Magħmudija, issa din id-darba fil-Griżma tal-Isqof,  għax issa jifhmu x’jiġifieri, se jikkonfermaw quddiem Alla l-Imbierek: Mulej, aħna kuntenti li rċevejna l-Ispirtu s-Santu u għalhekk illum nixtiequ nikkonfermawlek, nixtiequ l-Ispirtu s-Santu jinżel ġewwa fina, ġo qalb kull wieħed u waħda minnha.
    Ġenituri, jiena nirringrazzjakom għaliex intom wassaltu lil dawn iż-żgħażagħ tagħkom għal dan ir-raba’ sagrament. Ħa nfakkarkom ftit. L-ewwel sagrament hija l-magħmudija u nistħajjel lill-ġenituri jibdew jirraġunaw: ‘mela aħna fil-familja, kulħadd huwa mgħammed,  u t-tarbija tagħna ma ngħammdumiex? Ma tagħmilx sens!’  U allura ġabuha għand il-kappillan biex it-tarbija tagħhom tkun tista’ tiġi mgħammda.
    Ħa nagħmel daqsxejn ta’ riflessjoni. Dak il-ħin stess il-ġenituri jkunu ħadu r-responsabbiltà li t-tfal jibdew jgħallmuhom fuq Ġesù. Ma tkunx tagħmel sens jekk wieħed l-ewwel mar jagħtihom il-magħmudija, imbagħad jitlaq kollox, qatt ma jkellimhom fuq Ġesù. Jgħidu:  u iva m’hemmx il-katekisti. Le! L-ewwel katekisti suppost ikunu l-ġenituri stess.
    It-tieni sagrament huwa meta t-tfal bdew jitfarfru u l-ġenituri jibdew jindunaw li t-tfal tagħhom issa qed jagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin. U l-ġenituri ma xtaqux li t-tfal tagħhom, meta jkunu żgħar jagħmlu xi żball u jgħixuh weħidhom.  Allura marru għand il-kappillan u qalulu: ‘kappillan, it-tifel jew it-tifla tagħna issa tfarfret. Jimporta tagħtihom is-sagrament tal-penitenza jew tal-qrar, kif nafuh, ħalli meta jħossuhom li għamlu xi ħaġa li mhux tajba, ineħħuha minnhom għaliex imorru quddiem il-Mulej Ġesù fil-persuna tas-saċerdot  u jaħfrilhom.
    U nerġa nagħmel rifessjoni. Jiena dejjem nittama li l-qrara ma kienetx l-ewwel u l-aħħar. Aħna lkoll, jien l-ewwel wieħed,  dejjem niżbaljaw. U jekk niżbaljaw għandna bżonn il-kuraġġ niltaqgħu ma’ Ġesù Kristu fis-sagrament tal-qrar biex hu jaħfrilna. Allura ġenituri nittama li intom, bil-mod il-mod, waqt li kontu qed tgħallmuhom x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, għallimtuhom fuq is-sagrament tal-qrar li jaħfrilhom il-ħażen tagħhom.
    Jgħaddi ftit żmien ieħor, u dawn it-tfal bdew dejjem jikbru u naħseb li l-ġenituri jibdew igħidu: ‘isma’ dawn it-tfal tagħna qed naħsbulhom għall-ikel ta’ din id-dinja, nagħżlu l-aħjar ikel. U għall-ikel ta’ l-ispirtu tagħhom mhux se nahħsbulhom?’  U marru għand il-kappillan u qalulu: ‘kappillan, nixtiequ li uliedna jissaħħu billi jibdew jitqarbnu’. U kien it-tielet sagrament li huwa s-sagrament tal-Ewkaristija: li Ġesù jidħol ġewwa fina u jsaħħaħna.
    Ħa nerġa nkun  daqsxejn negattiv. Nittama li wara dik l-ewwel tqarbina lit-tfal tagħkom kontu qed teħduhom il-quddies! Għax ikla waħda ma tantx tagħmel differenza, imma ikla għall-anqas kull ġimgħa tibda tagħmel differenza fit-tfal għax l-Ispirtu jidħol ġewwa fihom.
    U llum intom ġejtu biex tieħdu r-raba’ sagrament jiġifieri s-sagrament tal-Griżma. Mela meta ġejtu hawn biex tirċievu l-Griżma tal-Isqof, jew inkella il-Konfermazzjoni, intom ġejtu biex tagħtu lil uliedkom l-Ispirtu s-Santu.  Jien nippretendi li intom ħsibtu hekk li dawn it-tfal tagħna minn hawn u ftit ieħor jibdew jagħmlu l-għażliet tagħhom issa għandhom tnax il-sena, U naħseb li għidtu ġewwa qalbkom: ‘u jekk aħna ngħidu l-Ispirtu s-Santu biex jiġi fuqhom, ma jfissirx li dawn it-tfal se jkollhom qawwa ikbar biex huma jkunu jistgħu jagħmlu l-għażliet tajbin?’
    U allura lil dawn it-tfal tagħkom intom ġibtuhom għall Griżma ta’ l-Isqof. Ħuti, illum it-tfal tagħkom se jkollhom l-Ispirtu s-Santu biex jagħmlu l-għażliet tagħhom. U waħda mill-għażliet li llum saret importanti li nagħmlu, hija: jien x’se nagħmel, ma’ min se nintrabat?  Nofs il-Maltin ma jiġux il-Knisja u nofs il-Maltin jiġu l-Knisja. Ma’ liema nofs se ngħaqqad lili u l-familja tiegħi? Ma’ dawk li ma jiġux jew ma dawk li jiġu? U allura l-Ispirtu s-Santu jidħol fil-ħajja tagħkom.
    Għeżież ġenituri, jiena niftakar meta kont żgħir, konna mmorru ngħumu, u ma kellniex karożża, konna mmorru bil-karożża tal-linja, ħafna snin ilu. U llum għadni niftakar  meta kont immur mal-ġenituri tiegħi l-Għadira. Imbagħad il-Ħadd wara l-quddiesa, dak iż-żmien ma kienx hemm nurseries, missieri li issa miet, kien jeħodna nilgħabu l-futbol.  Imma din  nixtieq nġħidilkom: jiena għandi memorji ta’ meta konna mmorru l-quddies flimkien, jiena l-ġenituri tiegħi u ħuti. Ġheżież ġenituri, iċċaħdux lit-tfal tagħkom minn dik il-memorja ta’ l-esperjenza. Tħallux li huma jaħsbu fl-affarijiet l-oħrajn u mhux fuq il-mument meta fi Kristu kontu miġburin flimkien, għax dik hija grazzja u memorja kbira.
    L-aħħar kelma li xtaqt ngħid hija lill-parrini. Parrini, ara taħsbu li intom ġejtu magħżulin forsi għaliex il-ġenituri kellhom xi obbligazzjoni lejkom, mhux hekk! U jekk hu hekk, mhux tajjeb. Il-ġenituri jagħżlu l-parrinu għax jixtiequ li jkollhom daqsxejn ta’ għajnuna meta huma qegħdin ikabbru t-tfal tagħhom propju biex it-tfal tagħhom isiru adulti.
    Ħa ngħidilkom storja, lill-parrini b’mod speċjali, u nagħlaq biha. Darba, xi ħmistax il-sena ilu, kont qiegħed fuq karozza tal-linja u ġie wieħed ħdejja, illum mejjet. Kellu kaxxa f’idejh u qalli ħa ngħidlek storja. Fl-aħħar gwerra hu kien fin-Navy u f’xi mument kien hemm xi bumbardament u la naf l-omm ta’ tarbija lanqas naf jekk it-tarbija kienetx fil-periklu, kien hemm qassis kien se jgħammed lil din it-tarbija li hu ma jafhiex u qallu biex joqgħodilha parrinu. Dak ma kienx jafha imma aċċetta li jagħmel hekk.  Qalli li minn dak iż-żmien tal-gwerra sa issa kull sena meta jkun hemm it-tifkira tal-magħmudija tagħha  imur jagħtiha xi ħaġa u jara kif inhi sejra.   Dak hu parrinu!
    Parrini, tiddejqux kultant tgħidu xi ħaġa sabiha lil dawk li llum intom parrini tagħhom ħalli tgħinu lil ġenituri, halli t-tfal tagħkom jitwieldu u jikbru verament fid-dawl tal-Mulej.

      Pawlu Cremona O.P.

         Arċisqof ta’ Malta