-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Kappella tat-Twelid tal-Verġni Marija fil-Forti Sant’Anġlu, il-Birgu
8 ta’ Settembru 2019Huwa ta’ ferħ kbir għalija nsellem lil kull min hawn preżenti, anke lil min qed isegwina f’din il-festa solenni. Jien nixtieq nibda propju minn dan il-post qaddis u antik li l-isqfijiet ta’ Malta kkonsagraw bħala waħda mill-ewwel knejjes wara li l-ġerarkija reġgħet ġiet stabbilita, wara l-perjodu Għarbi, reġa’ kellna isqof ta’ Malta u hawnhekk kien wieħed mill-ewwel postijiet ta’ kult kif tixhed ukoll il-lapida li għandna f’din il-kappella. U għalhekk huwa importanti li l-isqof ikun jista’ jkellem lil poplu tiegħu minn dan il-post qaddis u f’dan il-jum qaddis.
L-ewwel ħaġa li nixtieq nagħmel u hija provvidenza, li nista’ minn hawnhekk illum nirringrazzja lill-Papa Franġisku, li permezz tal-Kongregazzjoni tal-Kult Divin, lill-Provinċja ekkleżjastika Maltija taha l-privileġġ li t-8 ta’ Settembru, il-Vitorja, tkun solennità. U għalhekk Malta u Għawdex illum qegħdin nagħmlu l-festa tal-Bambina, avolja l-Ħadd għax il-Papa tana dan il-permess li niċċelebraw din il-festa ta’ kull sena bħala solennità u anke meta taħbat il-Ħadd ma jħassarha ħadd, lanqas il-Papa għax issa hekk iddeċieda. Għaliex? Għaliex aħna marbutin ħafna ma’ din il-festa, għaliex dak li missirijietna għexu fuq din l-għolja li aħna ngħidulha Sant’Anġlu. Fil-fatt din il-kappella antika l-ewwel kienet ikkonsagrata taħt it-titlu tal-Arkanġlu San Mikiel. Ix-xbieha tiegħu għadha ssellimlek kif tibda tidħol Sant’Anġlu, hemm xbieha ta’ San Mikiel Arkanġlu. L-isem Mikiel jgħidilna dak kollu li għandna bżonn nifhmu llum.
Illum għandna tliet ismijiet li jiġbru l-ħsieb ta’ din il-festa, ħa ngħidu erbgħa. L-ewwel nett: Marija għaliex illum niċċelebraw it-twelid ta’ din it-tifla; disgħa xhur ilu anke f’dawn l-inħawi għamilna festa kbira għat-tnissil tagħha. Għax il-Knisja tiċċelebra t-tnissil u t-twelid tal-Madonna u t-tnissil u t-twelid ta’ Binha. U t-talb tal-Knisja dejjem jagħraf dak li llum tgħidilna x-xjenza li l-bniedem jibda jeżisti mit-tnissil.
U Alla mit-tnissil tagħha, disa’ xhur qabel it-twelid tagħha, lil Marija għamilha kollha sabiħa biex hu jkun mit-tnissil tagħha, diġà hi u tissawwar fil-ġuf ta’ ommha Anna, kollha sabiħa. Illum nifirħu bit-twelid ta’ din it-tifla. Min jaf kemm ferħu Sant’Anna u San Ġwakkin, bir-raġun. Li jkollok tarbija u tarbija ħelwa bħalma kienet u nimmaġinaw li kienet minn barra u minn ġewwa Marija. U semmewha Marija. ‘Marija’ isem għażiż għal kull familja Lhudija anke għaliex oħt Mosè kienet Marjam. ‘Marija’ u ‘Marjam’ l-istess isem u ‘Marija’ hemm ħafna interpretazzjonijiet ta’ dan l-isem. Imma hemm l-iżjed waħda li hija, biex ngħidu hekk, għażiża hija dik li tfakkarna li Marija hija qatra fl-oċean: stilla maris. ‘Stilla’ hija qatra. Għalina ‘stilla’ hija kewkba wkoll. Maż-żmien imbagħad din l-imbierka stilla saret stella Maris u allura l-Madonna nsejħulha għax isimha hekk, qatra mill-baħar u fl-istess ħin kewkba tal-baħar. ‘Stilla’ u ‘stella’, il-Latin jgħinna biex inħawdu u nifhmu wkoll. U din li tawha dan l-isem, hija veru kreatura t’Alla imma speċjali. Hija qatra fl-oċean tal-imħabba ta’ Alla u tal-ħniena ta’ Alla imma hija qatra speċjali.
Alla jibqa’ magħna, iħares lejna bil-ħniena tiegħu, isibna, ifittixna, jgħannaqna bħalma l-missier jgħannaq lil iben il-ħali.
Jekk San Tumas t’Akwinu seta’ jgħid li Alla seta’ jnaddaf, jaħsel l-univers b’qatra tad-demm ta’ Bin Marija, ara kemm hi wkoll ta’ dinjità kbira din il-qatra mill-oċean li kellha twelled lill-Iben t’Alla. Għaliex id-demm ta’ Ġesu ħadu minn Marija bħalma aħna ħadna d-demm tagħna minn ommna, issawwarna fil-ġuf ta’ ommna. U llum titwieled din il-mara. Sewwa qalet dik il-mara lil Ġesù: “Imbierek il-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt” U Ġesu jgħid: “Imma aktar ħienja dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jħarsuha” (Lq 11:27-28). U l-Madonna din il-ħaġa għamlitha wkoll. Semgħet lill-anġlu, qaltlu: “Jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38). Dan hu l-kobor tal-Madonna.
Iż-żewġ ismijiet l-oħrajn huma ta’ Binha. Jgħidhomlna l-Evanġelju tal-lum li għadna kemm smajna: Yeshua Ġesu u Għimannu-El. U dawn l-ismijiet tal-Iben ta’ Alla aħna l-Maltin għexniehom fuq din l-għolja ta’ Sant’Anġlu għax għalina Alla kien dak li ħelisna, li salvana u rajna kemm hu verament Alla magħna. Missirijietna baqgħu bil-fidi li ġabilna San Pawl, tlifnieha ftit fi żmien l-Għarab, imma erġajna akkwistajnieha, u ħassejnieh l-Mulej – Alla magħna. Għaddiena minn ħafna tbexkil u din hija l-ħajja ta’ kull bniedem, ta’ kull nazzjon, ta’ kull pajjiż. Imma jiena bħala r-ragħaj tagħkom, illum irrid infakkarkom fl-ismijiet tal-Iben t’Alla: Għimmanu-El, Alla magħna, Yeshua, Alla Salvatur. Jekk aħna llum nifirħu għall-Vitorja, il-Vitorja din: li Alla huwa magħna, ma jabbandunana qatt. Aħna nistgħu ngħidu: ‘ħa mmorru għal għonq it-triq, ’il bogħod minnu’ imma jibqa’ magħna, iħares lejna bil-ħniena tiegħu, isibna, ifittixna, jgħannaqna bħalma l-missier jgħannaq lil iben il-ħali.
Din il-knisja mħaffra fil-blat, li l-għadu ried jeqred u ma rnexxilux, tibqa’ sinjal li jekk aħna dejjem inħarsu lejn Alla, hu mhu se jitlaqna qatt.
Ir-raba’ isem huwa dak ta’ Mikiel li hawnhekk dejjem kien preżenti fuq din l-għolja. Min hu bħal Alla? Mikhael! Jekk aħna llum nweġġħu lil omm Alla, dik il-qatra qaddisa u għażiża li l-baħar mielaħ tagħmlu tajjeb għax-xorb – għax dak l-effett ta’ Marija – jekk aħna nemmnu f’dak li ried iwasslilna Binha li huwa Alla jsalva u Alla magħna, irridu nifhmu li bħal Alla m’hawn ħadd. Min hu bħal Alla? Jgħidilna San Mikiel. Minn fuq l-għolja ta’ Sant’Anġlu aħna nirrispondu: ‘Ħadd, Mulej. Ħadd mhu bħalek, ħadd mhu ikbar minnek. Aħna x’ngħidu fit-triq u fis-suq? Fuq Alla m’hemm ħadd! U la l-kbarat ta’ din id-dinja u la monsinjuri u la kanonċi – hawn ħafna quddiemi llum – ħadd m’hawn, lanqas il-Papa, fuq Alla m’hemm ħadd. U allura t-tama tagħna jekk hu fil-bnedmin hija fiergħa, jekk hi f’Alla qegħdin fuq is-sod. U din il-knisja mħaffra fil-blat, li l-għadu ried jeqred u ma rnexxilux, tibqa’ sinjal li jekk aħna dejjem inħarsu lejn Alla, hu mhu se jitlaqna qatt.
Illum nitlob minn hawn jien, il-barka fuq Malta u Għawdex u t-talba tiegħi tkun li l-fidi tagħna tibqa’ samma daqskemm samma hi din l-għolja u din il-kappella minquxa fiha.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Mikea 5:1-4a
Salm: 12
Qari II: Rum 8:28-30
Evanġelju: Mt 1:1-16. 18-23 -
-
-