-
-
L-Erbgħa, 14 ta’ Settembru 2016, l-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P. iċċelebra Quddiesa fil-Ġublew tal-Ħniena għall-anzjani, fil-Katidral tal-Imdina. It-tema ta’ din iċ-ċelebrazzjoni kienet ‘Il-ferħ tal-Ħniena t’Alla’. Qabel bdiet il-Quddiesa, l-anzjani nġabru fi Pjazza San Pawl biex jgħaddu mill-Bieb tal-Ħniena tal-Katidral. Wara, ġiet iċċelebrata l-Quddiesa ma’ numru kbir ta’ anzjani minn diversi parroċċi u djar tal-anzjani.
L‑attività ġiet organizzata mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta bis‑sehem tal‑Kapitlu Metropolitan, il‑Caritas, id‑Direttur Djar tal‑Anzjani, is‑Segretarjat Assistenza Soċjali tal‑Azzjoni Kattolika, u l‑Għaqda Maltija Trasport tal‑Morda f’Lourdes.
Omelija tal-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P.
-
-
14 ta’ Settembru 2016
Katidral tal-Imdina
Ħuti, illum mal-Knisja kollha qegħdin nagħmlu il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib ta’Sidna Ġesù Kristu. Is-Salib għandu żewġt uċuħ. Min-naħa waħda hemm il-krudeltà tagħna l-bnedmin li wasalna biex noqtlu lil Alla magħmul bniedem. Imma l-wiċċ l-ieħor, li aħna f’din is-Sena tal-Ħniena rridu niftakru iktar, hija propju l-imħabba għalina wkoll li ħarġet mis-salib tal-Mulej Ġesù.
Ftit riflessjonijiet dwar il-ħniena ta’ Alla. L-ewwel ħaġa, Alla l-Imbierek darba qal, ‘dawn il-bnedmin wara li dinbu qegħdin waħedhom, taf x’nagħmel? Nibgħat lil Ibni biex mal-bnedmin, f’nofsna, jkun hemm l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem’. X’ifisser dan? L-ewwel ħaġa li qalilna Ġesù, li dawn l-għemejjel tajba għandhom valur bla limitu, valur etern. Aħna għandna ħafna snin warajna, għalhekk ftakru fl-għemejjel tajba li għamiltu! Irringrazzjaw lil Mulej, talli hu ppermetta li tagħmlu dawn l-għemejjel. Tiftakrux fl-ikrah biss, ftakru fl-għemejjel sbieħ li għamiltu, u rringrazzjaw lil Mulej.
It-tieni riflessjoni hija li l-ikbar grazzi li rridu nagħtu lil Mulej hija li nimitawh, nagħmlu bħalu – ma jistenna xejn iktar, ħlief dak li għamel hu mal-bnedmin nagħmluh aħna mal-oħrajn. Il-Ħadd li għadda kellna lil Madre Tereża li ġiet dikjarata qaddisa. Ma nafx jekk tafux kif bdiet. Darba kienet għaddejja minn triq fl-Indja u kien hemm wieħed qed imut fit-triq. Qabdet il-karretta, poġġietu fiha u ħaditu, għax kienet tgħid, “dawk li ma għexux ta’ bnedmin imutu bid-dinjità tagħhom”. Ħaġ’ oħra li qaltilna kienet, “toqgħodux taħsbu fil-missjoni”, hi li kienet missjunarja, “araw in-nies ta’ ħdejkom u hemmhekk ibdew uru ħniena magħhom”. Mhix xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Kulħadd jista’ jagħmilha. Jekk hemm xi ħadd imdejjaq, ma tistax tgħidlu kelma tajba? Kif hemm fl-Iskrittura, “jekk tagħti tazza ilma, ikollok ferħ kbir fis-sema”.
It-tielet riflessjoni hija fil-ħniena li hemm fis-Salib ta’ Sidna Ġesù Kristu. Kien hemm tliet affarijiet li Alla l-Imbierek ma ħalaqx, imma ġibniehom aħna. Dawn huma t-tbatija, id-dnub, u l-mewt. Sidna Ġesù Kristu għadda minn dawn kollha, biex meta ngħaddu minnhom ma nkunux waħedna. It-tbatija: Ġesù għadda mit-tbatija u kienet diffiċli għax lill-Missier qallu, “Għaliex tlaqtni?” Bħalma jiġri lilna! Imma l-aħħar kelma kienet, “f’idejk jien nerħi ruħi”. In-Nisrani allavolja jbati fit-tbatija m’għandux jixtieqha, imma jgħixha ma Kristu u jkollu l-faraġ f’qalbu.
It-tieni, id-dnub. Fuq is-salib, ra l-dawk li kienu qed isallbuh u mhux hu ħafrilhom għax huwa il-Missier li jaħfer, imma pprova jiskużahom, u dar għalihom quddiem Alla l-Missier. Jekk Alla l-Missier ħafer lil dan id-dnub il-kbir tagħna li qtilna lil Ibnu, se jaħfer id-dnubiet kollha tagħna għax ma nistgħux nagħmlu dnub aktar minn hekk. Kemm iweġġa’ l-Mulej meta kultant wara l-Qrar nibqgħu ngħidu, ‘min jaf ħafirlix? Min jaf ħafirlekx?’ Ma tafux kif ħafer u kif jaħfer Ġesù? Insewhom id-dnubiet tal-imgħoddi ladarba qerrejtuhom. Għidulu, ‘grazzi Mulej talli ħfirtli tal-iżbalji u d-dnubiet li għamilt’.
It-tielet, il-mewt. X’għamel Ġesù? Għadda mill-mewt biex ħadd minna ma jgħaddi waħdu fil-mewt imma jgħaddi ma Kristu, għax fi Kristu mhux biss mewt hemm: imma hemm qawmien ukoll. Kemm hu sabiħ li aħna mhux naħsbu biss fuq il-mewt, dik bilfors għax hija xi ħaġa umana. Aħsbu li Ġesù jwassalna biex naraw il-wiċċ tal-Missier! Taħsbux biss fil-mewt meta se tasal, imma kull Nisrani – anke liż-żgħażagħ ngħidha din – ngħidulu, “kemm nixtieq li narak wiċċ’imb’wiċċ!” Il-mewt mhijiex it-tmiem, il-mewt hija wkoll il-bidu ta’ ħajja oħra.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof Emeritu
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja