• It-tmiem tal-Maratona tal-Volleyball BOV Marigold 2018, f’nosillejl tal-Ħadd 1 ta’ Lulju, kien ikkarraterizzat minn ferħ, tbissim, doċċi ta’ xampanja u sentimenti ta’ gratitudni lejn l-40 plejer, irġiel u nisa, coaches, arbitri, score keepers, tobba, fiżjoterapisti u infermiera, li ddeċidew li jisfidaw is-sħana tal-ġurnata u l-ħemda tal-lejl biex jilagħbu volleyball bla waqfien għal 53 siegħa b’risq id-Dar tal-Providenza.

    Il-ġenerożità tagħhom f’ħinhom u fl-isforzi tagħhom kien ippariġġjat mill-ġenerożità tal-poplu Malti b’donazzjonijiet ta’ madwar of 651,905. Din is-somma tinkludi l-ammont ta’ €335,291 miġbur waqt l-edizzjoni speċjali ta’ Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Ġunju.

    Il-maratona kienet inawgurata uffiċjalment nhar il-Ġimgħa filgħaxija mill-President ta’ Malta, l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, li preżentat ukoll donazzjoni mill-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.

    Matul it-tlett ijiem tal-maratona, il-plejers u l-organizzaturi kellhom l-opportunità jilqgħu lill-Prim Ministru Dr Joseph Muscat u lis-Sinjura Michelle Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Adrian Delia, l-Arċisqof Emeritus Mgr Paul Cremona O.P., ministri, segretarji parlamentari, membri oħra tal-Parlament u membri tal-PE. Kollha qattgħu ħin jirrispondu t-telefonati mill-pubbliku li kienu qed iċemplu biex jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom.

    Filgħaxija u matul il-lejl, il-Maratona tal-Volleyball ixxandret b’mod dirett fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni TVM, TVM2, ONE TV, NET TV.

     

  • Ritratti: Dar tal-Providenza