Fi Frar tal-2020 l-Azzjoni Kattolika se tkun qed tiċċelebra d-90 Anniversarju tat-twaqqif tagħha f’Malta. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tad-90 Anniversarju li se jkunu qed isiru minn issa sa Ottubru tal-2020, saret reunion għal dawk il-persuni li kienu membri fiż-ŻAK fl-2010 jew qabel, is-Sibt 19 t’Ottubru.
Din l-attività saret fiż-ŻAK House f’Birkirkara, f’ċentru li beda jitranġa fl-2010 u reġa’ nfetaħ f’Diċembru tal-2013 bħala post fejn mhux biss isiru laqgħat, iżda wkoll iraqqad 44 persuna għal live-ins jew youth exchanges.
Għar-reunion attendew iktar minn 100 persuna u 20 tifel u tifla taħt l-10 snin. Il-maġġoranza li attendew kienu koppji żgħażagħ, miżżewġin jew familji bi tfal żgħar. Wara kelmtejn mill-President tal-Azzjoni Kattolika Maltija Josef DeBono, bdiet il-quddiesa ċelebrata minn tliet persuni importanti fl-istorja taż-ŻAK – Fr Michael Bellizzi li kien l-Assistent Ekkleżjastiku taż-ŻAK sal-2009, Fr Reuben Gauci li fl-2010 ħa l-kariga ta’ Assistent Ekkleżjastiku taż-ŻAK u Fr Bernard Micallef li kien membru taż-ŻAK u li llum huwa qassis djoċesan.
Il-post iżżejjen b’ritratti antiki u numru ta’ artikli li dehru fil-gazzetti matul iż-żminijiet. Kien hemm ukoll diversi bagalji miftuħa b’numru ta’ flokkijiet taż-ŻAK li jikkommemoraw avvenimenti differenti organizzati matul is-snin. Dawk preżenti għal din l-attività ngħataw ukoll luggage tag bil-logo li nħoloq għad-90 Anniversarju biex tibqa’ tifkira tar-reunion kif ukoll tal-memorji u l-esperjenza li kisbu matul iż-żmien permezz tas-sħubija tagħhom fiż-ŻAK, li issa qed iġorru magħhom matul ħajjithom, bħal bagalja.