-
-
San Mark 11:27-33
F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu mill-ġdid marru Ġerusalemm. Kif kien qiegħed idur fit-tempju, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u l-kittieba u x-xjuħ u staqsewh: “Int b’liema setgħa qiegħed tagħmlu dan kollu? U min tahielek din is-setgħa biex tagħmlu?”.
Ġesù qalilhom: “Ħa nagħmlilkom mistoqsija waħda jien. Weġbuni għaliha, u ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan kollu. Il-magħmudija ta’ Ġwanni kienet ħaġa ġejja mis-sema jew mill-bnedmin? Weġbuni”.
Dawk, bejnhom u bejn ruħhom, bdew jirraġunaw u jgħidu: “Jekk inweġbuh: “Mis-sema”, jgħidilna: “Mela għaliex ma emmintuhx?”. Mela ngħidulu: “Mill-bnedmin”?” Huma kienu jibżgħu min-nies, għax kulħadd kien iżomm li Ġwanni kien tabilħaqq profeta. Għalhekk lil Ġesù weġbuh u qalulu: “Ma nafux”. U Ġesù qalilhom: “Mela anqas jien ma ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan”.