• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Knisja Parrokkjali, il-Gudja
    4 ta’ Mejju 2018

    Jiena nixtieq nimmaġinak, għażiż Fr Norman, għażiż Arċipriet, bħala ittra sabiħa miktuba mill-providenza ta’ Alla lill-poplu għażiż tal-Gudja. U min jaqra qalbek jara l-karattru amabbli tiegħek, ta’ ftit kliem, b’qalb kbira, imma bi tbissima pronta u ta’ paċenzja kbira wkoll. Min jaqra’ din l-ittra li l-providenza qed tibgħat lill-poplu tal-Gudja, jalla jkollu l-faraġ li ħassew l-ewwel komunitajiet meta qraw l-ittra li bagħtitilhom il-Knisja, li bagħtulhom l-appostli.  

    Fit-Tieni Qari li għadna kemm smajna wkoll San Ġwann l-evanġelista f’din l-Ittra li jibgħat lill-komunità ċkejkna, jinsisti li l-esperjenza ta’ Alla hija esperjenza ta’ mħabba. Il-ministeru tiegħek irid ikun espressjoni tal-imħabba ta’ Alla. Kull meta inti tiċċelebra l-Ewkaristija, il-ministeru tal-Qrar, issejjaħ lill-komunità; kull meta inti tgħammed lil uliedha, dak kollu li aħna se nesprimu bil-purċissjoni tal-pussess, dan kollu għamlu b’imħabba kbira għal dan il-poplu.      

    Ma nistax ma nsemmix lill-Madonna għax jekk hawn parroċċa mbierka bid-devozzjoni lill-Madonna, jekk hawn xi waħda f’Malta, bilfors trid tkun il-Gudja.  Tliet festi b’dak kollu li jfissru! Imħabba kbira lejn il-Madonna. Jiena nispera u nawgura li nemmnu li nkunu qegħdin niċċelebraw l-istess mara taħt diversi titli mhux tliet nisa differenti li jaqbdu f’xagħar xulxin u jiġġieldu! M’hemmx għalfejn nġelldu l-madonni għax hija l-istess mara, omm taħt titli differenti li ngħożżuhom u nħobbuhom, it-tlieta li huma. Imma qed nirreferu għal dik il-mara minn Nazaret, omm Ġesù li meta riedet tgħidilna xi ħaġa qaltilna: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Agħmlu li jgħidilkom hu!  Sew jekk hija l-Madonna Mtellgħa s-Sema, jekk hi tar-Rużarju, jew jekk hi taċ-Ċintura, hija l-istess Marija ta’ Nazaret li qed tgħidilna: ‘Nixtieqkom li tkunu taħt il-protezzzjoni tiegħi u nixtieqkom tassew tkunu wliedi għax intom aħwa ta’ ibni Ġesù’. 

    Wara kollox hija nislitna wieqfa ħdejn is-salib ta’ binha, meta raha u qalilha: “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27) imma ried jgħidilha wkoll li l-maternità naturali tagħha kellha ssir issa maternità spiritwali u universali. Jekk tkun devot tal-Madonna, kif naf li huma n-nies tal-Gudja, trid tifhem li aħna nqimuha bħala ommna għax aħna aħwa ta’ Ġesù. Jekk aħna ħafna u hija ommna, mela għandna x’jgħaqqadna. Il-maternità tagħha trid tgħaqqadna mhux iġġellidna. Id-devozzjoni tagħha trid tgħaqqadna mhux iġġellidna!   

    Ejjew, kull meta nagħmlulha festa, jagħmilha min jagħmilha minna, nifirħu għax qed nifirħu b’Marija ta’ Nazaret taħt titli u aspetti diversi ta’ dik li hi l-għaxqa tas-sema. Imma lil din ‘il-ħlewwa ta’ Mejju’ ma’ Dun Karm Psaila nsellmulha bħala ‘l-għaxqa tas-sema’ (Innu ‘Fil-Ħlewwa ta’ Mejju’) u aħna wkoll nitolbu bl-interċessjoni tal-qaddisin biex jgħinuk fil-ministeru tiegħek, jagħtuk id-dawl u l-kuraġġ u fl-istess ħin jagħtuk il-ġenerożità biex tmexxi lil din il-komunità bħala ragħaj tajjeb.

    Qed nara diversi saċerdoti li qablek mexxew din il-komunità. Jiena nixtieq nirringrazzjahom tal-ġenerożità tagħhom. Nara lilek, Arċipriet Dun Martin, nirringrazzjak tal-ħafna snin li għamilt hawnhekk bħala ragħaj, tad-disponibbilità tiegħek li issa jkollok komunità oħra u li tagħti ħajtek għall-komunità l-ġdida, għażiża ħafna għalina, il-komunita ta’ Ħal Kirkop. Qed nara lil Dun Karm Camilleri li ta wkoll il-kontribut tiegħu. Ma nixtieq nonqos lil ħadd imma nixtieq nirringrazzja lil kull min ta’ ħajtu bħala ragħaj ta’ hawnhekk.

    Nixtieq nirringrazzja ħafna lill-kor. Lill-Arċipriet staqsejtu: ‘Imma dawn kollha mill-Gudja?’ Qalli: ‘Iva, kollha!’ Jien nixtieq nirringrazzjahom tal-impenn tagħhom. Ħaġa sabiħa li parroċċa antika bħal din tkompli tħares il-patrimonju. Wara kollox mhijiex biss parroċċa arċipretali, nieqaf hawn, imma hija waħda mill-ftit parroċċi li lill-Knisja tata isqof. Jien nixtieq insellimlek, Eċċellenza, ħallejtek għall-aħħar għax kif taf inti, il-kejk ikollu ċirasa u ġeneralment tkun ħamra bħall-karlotta tiegħek. Nieħdu pjaċir narawk fostna u nixtieq ukoll li fil-persuna tiegħek insellmu d-Djoċesi ta’ Ġibiltà u nwegħduk ukoll l-appoġġ tagħna b’mod speċjali bit-talb.  Jiena ngħidilkom ħaġa waħda quddiem ommu (Dun Norma): ħudu ħsiebu.

     Il-Mulej ikun magħkom.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

     

  •