L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Qegħdin niċċelebraw din il-festa kbira li tfakkarna fit-tnissil ta’ Sidtna Marija. L-Evanġelju li għadna kemm qrajna huwa dwar it-tnissil ta’ Ġesù u wieħed jistaqsi: ‘Għaliex qrajna l-Evanġelju tat-tnissil tat-tifel meta qegħdin niċċelebraw it-tnissil tal-omm?

L-ewwel nett għaliex fl-Evanġelju m’għandniex rakkont tat-tnissil. It-tradizzjoni orjentali tagħtina l-ismijiet tal-ġenituri ta’ Marija, li aħna niċċelebraw ta’ kull sena fis-26 ta’ Lulju, u tgħid li kien jisimhom Anna u Ġwakkin. L-orjentali, meta jridu jfissru dak li qed niċċelebraw illum, jirrapreżentaw it-tgħanniqa intima bejn il-ġenituri ta’ Marija. L-ikona tat-tnissil tat-tifla huwa proprju t-tgħanniqa bejn il-ġenituri u s-sinifikat profond wieħed jifhmu mal-ewwel.

M’ilux kont Istanbul, l-antika Kostantinopoli, u għall-grazzja t’Alla dawk li kienu l-knejjes antiki mimlijin możajċi, illum għamluhom mużewijiet biex almenu l-mużajċi jsalvahom. U hemm knisja ħelwa b’ħafna mużajċi sbieħ. Wieħed minn dawn il-mużajċi propju huwa tat-tgħanniqa bejn Anna u Ġwakkin.

It-tifla twieldet disa’ xhur wara u aħna niċċelebraw it-twelid ta’ din it-tifla proprju fit-8 ta’ Settembru. Jekk wieħed jgħid imma għaliex it-8 ta’ Diċembru? Almenu mit-8 ta’ Settembru tagħmel tneħħi disa’ xhur. Bħalma nagħmlu aħna wkoll it-tnissil ta’ Ġesù niċċelebrawh fil-25 ta’ Marzu, disa’ xhur qabel il-25 ta’ Diċembru.

L-Evanġelju jgħidilna xi ħaġa importanti imma avolja huwa r-rakkont tat-tnissil ta’ binha għaliex it-tislima tal-anġlu lil Marija, għalina għandha sinifikat kbir u profond. “Sliem għalik, Marija mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek” (Lq 1:28). Il-Knisja talbet fuq din it-tislima tal-anġlu, ħasbet, u ħasbet ukoll fi frażi li juża l-anġlu Gabrijel f’dan ir-rakkont skont San Luqa. Meta, biex jipperswadi lil Marija li dak li kien qed jgħidilha se jseħħ tassew fiha, li hi se tnissel fil-ġuf bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u li bħala sinjal jagħtiha lil kuġina tagħha Eliżabetta li ma setax ikollha tfal u kienet diġà fis-sitt xahar tat-tqala, jgħidilha “Għax għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:37).

Din l-espressjoni tal-anġlu għenet il-fidi tal-Knisja għaliex kien jixraq li omm is-Salvatur ma tkunx mittiefsa mid-dnub. Alla seta’ – “għax għal Alla m’hemm xejn li ma  jistax isir” – u l-konklużjoni kienet li hekk għamel. Decuit, potuit, fecit. Dawn huma tliet verbi li juża Dun Scotus, għaref Skoċċiż li kien Franġiskan.

Jekk jiena, minkejja d-difetti tiegħi, id-dnubiet tiegħi, il-waqgħat tiegħi, minkejja dan kollu, nipprova ngħix l-imħabba, qiegħed fit-triq immakulata, dik li twassalni biex noħroġ minn din id-dinja b’qalb safja.

Imma l-misteru x’inhu? Il-misteru huwa kbir u profond: li Alla jħares lejn din il-kreatura umli, bħalma tgħid hi meta tikber, tgħid: “Il-Mulej ħares lejn iċ-ċokon tiegħi” (mhux qed jgħid għall-isqof imma għall-Madonna), “Il-Mulej ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48). U waqt li qed iħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu, irid jagħmel għamara – u għalhekk fit-tnissil tagħha – mill-bidu tal-eżistenza tagħha.

Dawn iż-żewġ festi: 8 ta’ Diċembru u 25 ta’ Marzu, huma mod konkret li ta’ kull sena aħna l-Insara niftakru li l-ħajja tibda mit-tnissil. Niċċelebraw it-tnissil ta’ dawn il-persuni għeżież ta’ Ġesù u ta’ Marija. U l-intervent tal-Mulej, fil-każ tal-festa tal-lum, li fit-tnissil ta’ din it-tifla permezz tal-intimità tal-ġenituri tagħha, iħarisha minn kull dnub, mhux jeħlisha, iħarisha. Il-liturġija, it-talbiet tal-Knisja llum jużaw żewġ verbi: lilha ħaristha, lilna ħlistna. Il-Mulej ħares lil omm ibnu minn kull tebgħa tad-dnub, din l-għamara ta’ fidi u ta’ mħabba ma setgħetx lanqas biss tiċċappas bid-dnub. Imma x’ġara? Il-Missier applika l-merti ta’ binha għal ommu. Hekk ħarisha bl-istess qawwa li lili u lilek ħelisna bil-Magħmudija, imbagħad permezz tal-Qrar mid-dnubiet tagħna. Lilna jeħlisna għax imtebbgħin bid-dnub, imma lil ommu ħarisha.

Imma għalina dil-ħaġa xi tfisser? L-Appostlu Missierna juża dan il-kunċett: li tkun bla tebgħa għall-Insara. “Li nkunu quddiemu” jgħid, “bla tebgħa”. Imma kif se nkun jiena bla tebgħa? U jgħidilna  kif: “Fl-imħabba” (Ef 1:4). Jekk jiena, minkejja d-difetti tiegħi, id-dnubiet tiegħi, il-waqgħat tiegħi, minkejja dan kollu, nipprova ngħix l-imħabba, qiegħed fit-triq immakulata, dik li twassalni biex noħroġ minn din id-dinja b’qalb safja.

Huwa programm sabiħ għall-komunità tagħkom li twelidtu bħala parroċċa b’dan it-titlu: it-tnissil bla tebgħa ta’ Marija, mhux biss biex nieqfu u nirringrazzjaw lil Alla, nistagħġbu bil-kobor tal-qawwa tiegħu, il-qawwa li tiżboq iż-żmien, japplika l-merti ta’ Binha, 33 sena wara lil omm, anzi iżjed plus 16, japplikahom fit-tnissil tagħha, jimlieha proprju bil-grazzja. Mhux biss nistagħġbu b’din il-ħaġa straordinarja ta’ ħniena, imma wkoll nitkebbsu bix-xenqa li aħna ngħixu fit-triq tal-imħabba. Intom tifhmu li dan id-diskors tal-imħabba jibqa’ dejjem attwali għax l-umanità hija dejjem ittentata, kull wieħed u waħda minna, li nfittxu lilna nfusna.

Il-ġlieda li smajna fl-Ewwel Qari (Ġen 3:9-15.20) bejn it-tajjeb u l-ħażin, l-ingann tax-xitan jibqa’ dejjem jaħdem fostna biex jisirqilna minn qalbna l-preżenza ta’ Alla u jipprova jpoġġilna l-kimera ta’ idoli foloz li jkissruna, jumiljawna u joqtluna: il-flus u l-poter, li għalihom imbagħad nagħmlu kollox u nitilfu d-dinjità tagħna. Intom tifhmu kemm id-diskors tat-triq tal-imħabba huwa utli, attwali u importanti. U għalhekk bħala komunità, aħna rridu nġeddu l-għażla li għamilna mingħajr ma ninkeddu żżejjed għax nogħtru fit-triq.

Taqtax qalbek, ftakar fit-talba li għallmuna missirijietna: O Marija li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa, aqlagħlna l-grazzja li noħorġu minnha mingħajr ħtija.

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta  

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 3: 9-15.20
Salm: 97
Qari II: Efes 1: 3-6.11-12
Evanġelju: Lq 1: 28

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti