Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Eccellenza Signor Nunzio, għażiż Isqof Joe, nixtieq l-ewwel nett ngħidilkom grazzi tal-preżenza tagħkom illum. Waqt li nagħmlu l-awguri għall-Milied, ix-xewqa tiegħi hija li niskopru ċ-ċirkustanzi konkreti ta’ kull wieħed u waħda minnha u tal-pajjiż, il-veru sinifikat ta’ dak li qegħdin niċċelebraw. L-ewwel suġġeriment li nagħmel huwa li nsibu ħin, ilkoll kemm aħna, naqraw l-Ittra Apostolika tal-Papa Franġisku dwar il-presepju: Admirabile Signum. Huwa dokument sabiħ, li ppubblika propju minn Greccio, fejn San Franġisk ikkrea l-ewwel presepju. Dan id-dokument ippublikah fl-1 ta’ Diċembru li għadda.

Il-Papa jieħu l-personaġġi fundamentali tradizzjonali tal-presepju, jagħmel meditazzjoni żgħira fuq kull wieħed minn dawn il-persunaġġi, imma jitkellem ukoll fuq l-ambjent. Fil-fatt ix-xena tal-presepju tinkludi s-siġar, l-għar, l-annimali u l-kwiekeb. U l-ewwel riflessjoni li nixtieq  nagħmel u nispira ruħi minn dak li jgħid il-Papa, hu li l-presepju, il-ħolqien kollu jinġabar biex jistagħġeb u jadura l-misteru.

Il-Papa jgħid li madwar il-presepju hemm nies għatxana għall-imħabba, bħalma hemm ukoll nies għatxana għall-verità u għall-ġustizzja. Naħseb li dan l-għatx huwa rifless ukoll fis-soċjetà tagħna.

Il-Papa wkoll jgħid li l-presepju jistedinna biex aħna l-ħolqien, mhux biss napprezzawh, imma nieħdu ħsiebu. Intom tafu li l-policy tad-djoċesi tagħna hija li dak kollu li nagħmlu jkun sostenibbli fl-aspett ekonomiku, tal-management u fid-deċiżjonijiet li nagħmlu. Nixtieq nirringrazzja ħafna lill-Kummissjoni Ambjent li tagħti lill-Knisja vuċi profetika. Imma l-Papa jgħid ukoll li madwar il-presepju hemm nies għatxana għall-imħabba, bħalma hemm ukoll nies għatxana għall-verità u għall-ġustizzja. Jien naħseb li dan l-għatx huwa rifless ukoll fis-soċjetà tagħna.

Ħin minnhom il-Papa jagħmel ukoll riflessjoni dwar tradizzjoni antika b’mod speċjali Rumana, li fil-presepji – kultant taraha anke hawn Malta fostna għax aħna t-tradizzjoni tagħna ispirata wkoll minn Napli – li l-għar huwa fost xi rovini, rovini ħafna drabi klassiċi. U l-Papa jgħid: din ġejja minn tradizzjoni antika li Ruma kien hemm din il-profezija li t-tempju tal-verità u tal-paċi jikkrolla meta jitwieled il-veru prinċep tal-paċi. U l-Papa jgħid: dawk ir-rovini fejn hemm il-grotta u allura ssib ukoll il-maxtura tal-Mulej, huma s-sinjal tal-poter tad-dinja li mhux kapaċi jimla l-qalb tal-bniedem u li jċedi postu, irid jew ma jridx, għas-Salvatur vera.

Il-Papa jgħid li Ġesu fehem u din hi l-barka tiegħu: li min għandu għatx u ġuħ għall-ġustizzja mhux biss huwa qrib is-Saltna ta’ Alla, imma qed jirrikjedi eżiġenza fundamentali tal-ġid komuni tas-soċjetà.

Aħna rridu nkunu xhieda ta’ din il-ħaġa. M’għandniex nibżgħu nxandru l-insuffiċjenza tal-wegħdiet vojta tad-dinja. Mhux biex niddisprezzaw id-dinja imma biex nirrealizzaw li l-qalb tagħna qatt ma tista’ tkun sodisfatta b’dak li toffri d-dinja, id-destin tagħna huwa ħafna ikbar. U allura f’kull persuna li niltaqgħu magħha u niltaqgħu b’dan l-għatx għall-imħabba, għall-verità u għall-ġustizzja, aħna niftakru fil-barkiet tal-Mulej. Imberkin dawk li għandhom l-għatx għall-ġustizzja.

Il-Papa anzi f’dokument ieħor sabiħ ħafna dwar il-qdusija Gaudete et Exsultate, jagħmel kummentarju fuq il-beatitudnijiet u meta jiġi fuq il-beatitudni ta’ min għandu l-għatx u l-ġuħ għall-ġustizzja, jgħid li Ġesù meta jitkellem fuq il-ġustizzja li trid tkun ibbażata fuq il-verità u r-riċerka tal-verita, jitkellem dwar l-istint l-iżjed fundamentali tal-bniedem: l-għatx u l-ġuħ. L-għatx u l-ġuħ jurik li, mingħajr ma jiġu sostnuti, inti tmut. U l-Papa jgħid li Ġesu fehem u din hi l-barka tiegħu: li min għandu għatx u ġuħ għall-ġustizzja mhux biss huwa qrib is-Saltna ta’ Alla, imma qed jirrikjedi eżiġenza fundamentali tal-ġid komuni tas-soċjetà.

Ħafna donnhom qatgħu l-aptit għall-Milied din is-sena. Naħseb din il-kriżi tagħmlilna ħafna ġid għaliex tlaqqagħna mal-Milied, il-veru sinifikat tiegħu. Aħna li naffaċċjaw ruħna mal-falliment tal-proġetti verament umani, nirrealizzaw li għandna bżonn is-Salvatur vera, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Meta l-bnedmin ifalluna, kultant litteralment iffalluna, nirrealizzaw li mingħajr Alla l-ħajja tagħna bla togħma u vojta. U kemm nifhmu wkoll l-għerf tas-Salm li jgħid: “Iblah min jafda fil-bnedmin”.

Issa aħna mhux ilkoll bnedmin? Fil-fiduċja tagħna f’xulxin, fuq liema bażi tistrieħ? Il-fatt li aħna naraw lil Ġesù f’xulxin. Jiena nafdak u inti tafdani, jalla dik tkun ir-realtà tagħna. Imma aħna l-fiduċja tagħna f’xulxin ma tistax tkun ibbażata fuq kriterji ta’ din id-dinja imma fuq dak li jgħid Ġesù: “Kull ħaġa li għamiltu mal-iżgħar fost ħuti, għamiltuha miegħi” (Mt 25:40).

Aħna nawguraw li l-ikbar soċjetà li nilqgħu lil xulxin u nfakkru wkoll f’mument fejn il-ġudizzji tixrobhom man-nida ta’ filgħodu, ġudizzji ħorox fuq xulxin, li l-ħniena fiha għal kulħadd imma li l-esiġenzi tal-ġustizzja ma nistgħux ninsewhom. M’hemmx ħniena vera mingħajr verità. U jalla l-Prinċep tas-Sliem, li bil-kriżi li daħħalna fiha, qed ineħħilna ftit ġelu minn fuq il-kejk. (Jgħidu li l-ġelumhux tajjeb għalkemm fl-għajn jidher sabiħ.) Il-Milied tagħna forsi mingħajr ġelu din is-sena, u allura forsi iżjed healthy. Jalla dan il-Milied isibna nifirħu bil-vera Milied, bit-twelid ta’ tarbija fqira u sempliċi li ġiet tħabbar l-imħabba, il-ħniena u t-tenerezza ta’ Alla.

Naħseb din il-kriżi tagħmlilna ħafna ġid għaliex tlaqqagħna mal-Milied, il-veru sinifikat tiegħu.

Nawguralkom bil-qalb fil-fatt li nirringrazzjakom tax-xogħol kollu li jsir matulek ja sena, lil kull wieħed u waħda minkom anke dawk li ma setgħux jiġu, nirringrazzjahom u jalla aħna bix-xogħol tagħna li jlaqqagħna ma’ ħafna nies, inkunu xhieda tal-wiċċ ħelu tat-tarbija ta’ Betlehem.

Milied hieni u qaddis lil kulħadd!

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta  

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti