• Għeżież ħuti,

    Għal darb’oħra riesaq lejna l-Għid tal-Mulej! Biex nitħejjew għalih, il-Providenza ta’ Alla toffrilna ta’ kull sena ż-żmien tar-Randan, “sinjal sagramentali tal-konverżjoni tagħna”,[1] li jħabbar u jwettaq il-possibbiltà li nerġgħu lura lejn il-Mulej b’qalbna u b’ħajjitna kollha.

    Din is-sena wkoll, b’dan il-messaġġ, nixtieq ngħin lill-Knisja kollha tgħix bil-ferħ u l-verità dan iż-żmien ta’ grazzja; u dan nagħmlu billi nħalli tnebbaħni espressjoni ta’ Ġesù fil-Vanġelu ta’ Mattew: “Joktor il-ħażen, u għalhekk l-imħabba tibred f’ħafna” (24:12).

    Din il-frażi nsibuha fid-diskors dwar l-aħħar taż-żminijiet u li hu ambjentat f’Ġerusalemm, fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, proprju fejn tibda l-passjoni tal-Mulej. Huwa u jwieġeb għal mistoqsija tad-dixxipli, Ġesù jħabbar tiġrib kbir u jfisser is-sitwazzjoni li taf issib ruħha fiha l-komunità ta’ dawk li jemmnu: quddiem ġrajjiet ta’ swied il-qalb, xi profeti foloz għad iqarrqu b’bosta, hekk li jheddu li jitfu fil-qlub l-imħabba li hi l-qalba tal-Vanġelu kollu.

    Il-profeti foloz

    Meta nisimgħu din is-silta, nistaqsu lilna nfusna: x’xejriet jieħdu dawn il-profeti foloz?

    Huma bħal “saħħara tas-sriep”, jew aħjar, japprofittaw mill-emozzjonijiet umani biex ijassru l-persuni u jwassluhom fejn iridu huma. Kemm ulied ta’ Alla jinġibdu mill-ħajriet tal-pjaċir ta’ ftit mumenti, li jaħsbuh se jagħtihom l-hena! Kemm bnedmin jgħixu bħal imsaħħrin mill-illużjoni tal-flus, li fir-realtà jagħmluhom ilsiera tal-profitt jew ta’ interessi msejkna! Kemm persuni jgħixu jaħsbu li biżżejjed huma għalihom infushom u jaqgħu priża tas-solitudni!

    Profeti foloz oħra huma dawk iċ-“ċarlatani” li joffru soluzzjonijiet sempliċi u immedjati għat-tbatijiet, rimedji, imma, li nafu li huma kompletament ineffikaċi: kemm żgħażagħ jiġu offruti r-rimedju falz tad-droga, ta’ relazzjonijiet “uża u armi”, ta’ gwadanni faċli imma diżonesti! Kemm oħrajn jinġibdu minn ħajja kompletament virtwali, fejn ir-relazzjonijiet jidhru iżjed sempliċi u mgħaġġla biex imbagħad jirriżulta li jkunu traġikament nieqsa minn kull sens! Dawn il-qarrieqa, li joffru ħwejjeġ bla valur, minflok, ikunu jqaċċtu dak li hu l-iżjed prezzjuż, bħalma huma d-dinjità, il-libertà u l-ħila li wieħed iħobb. Hu l-qerq tal-vanità li jwassalna biex naqtgħu figura ta’ paguni… biex imbagħad naqgħu fir-redikolu; u mir-redikolu ma terġax tqum lura. M’għandniex għax nistagħġbu: minn dejjem ix-xitan, li hu “giddieb u missier il-gideb” (Ġw 8:44), ippreżenta l-ħażen bħala ġid u l-falz bħala veru, biex iħawwad il-qalb tal-bniedem. Għalhekk, kull wieħed u waħda minna hu msejjaħ jiddixxerni fil-qalb tiegħu u jgħarbel jekk hux qed jiġi mhedded mill-gideb ta’ dawn il-profeti foloz. Jeħtieġ nitgħallmu ma niqfux fuq il-livell immedjat, superfiċjali, imma nagħrfu dak li jista’ jħalli ġo fina marka tajba u li ttul iżjed, għax ġej minn Alla u jiswa tabilħaqq għall-ġid tagħna.

    Qalb kiesħa

    Dante Alighieri, fid-deskrizzjoni tiegħu tal-infern, jistħajjel lix-xitan bilqiegħda fuq tron tas-silġ;[2] hu jgħix fil-kesħa tal-imħabba fgata. Mela ejjew nistaqsu lilna nfusna: kif tista’ tibred fina l-imħabba? Liema huma s-sinjali li juruna li fina l-imħabba qed tirriskja li tintefa?

    Dak li jitfi l-imħabba hu qabelxejn ir-regħba għall-flus, “l-għerq ta’ kull ħażen” (1 Tim 6:10); warajha tiġi ċ-ċaħda ta’ Alla u għalhekk li ma nibqgħux infittxu l-faraġ fih, waqt li nippreferu d-deżolazzjoni tagħna flok il-Kelma tiegħu u s-Sagramenti.[3] Dan kollu jinbidel fi vjolenza li teħodha kontra dawk kollha li narawhom bħala theddida għaċ-“ċertezzi” tagħna: it-tarbija li għadha ma twelditx, l-anzjan marid, dak li jgħaddi jżurna, il-barrani, imma anki l-proxxmu li ma jikkorrispondix max-xewqat tagħna.

    Anki l-ħolqien hu xhud sieket ta’ kif din l-imħabba qiegħda tibred: l-art hi avvelenata miż-żibel mormi b’għażż jew għall-gwadann; l-ibħra, anki huma mniġġsa, ikollhom jgħattu l-fdalijiet ta’ tant nawfraġji tal-migrazzjonijiet sfurzati; is-smewwiet – li fil-pjan ta’ Alla jgħannu l-glorja tiegħu – huma mċarrta minn magni li jwaddbu xita ta’ għodod tal-mewt.

    L-imħabba tibred ukoll fil-komunitajiet tagħna: fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium ippruvajt infisser is-sinjali l-iżjed ċari ta’ dan in-nuqqas ta’ mħabba. Dawn huma: l-għażż egoista, il-pessimiżmu sterili, it-tentazzjoni li niżolaw ruħna u li nimpenjaw ruħna fi gwerer kontinwi li joqtlu l-aħwa, il-mentalità mondana li twassalna biex nagħtu kas biss ta’ dak li jidher minn barra, u hekk iġġib fix-xejn il-ħeġġa missjunarja.[4]

    X’għandna nagħmlu?

    Jekk ġewwa fina u madwarna naraw dawn is-sinjali li għadni kif fissirt, araw kif il-Knisja, omm u għalliema tagħna, flimkien mal-mediċina, kultant morra, tal-verità, toffrilna f’dan iż-żmien tar-Randan ir-rimedju ħelu tat-talb, tal-karità u tas-sawm.

    Jekk niddedikaw iktar ħin għat-talb, inħallu l-qalb tagħna tiskopri l-gideb sigriet li bih inqarrqu bina nfusna,[5] biex nistgħu saflaħħar infittxu l-faraġ ta’ Alla. Hu Missierna u għalina jixtieq il-ħajja.

    It-tħaddim tal-karità jeħlisna mir-regħba u jgħinna niskopru li l-persuna l-oħra hi ħuna u oħtna: dak li għandi qatt ma huwa tiegħi waħdi. Kemm nixtieq li l-karità tinbidel għal kulħadd f’veru stil ta’ ħajja! Kemm nixtieq li, bħala Nsara, nimxu fuq l-eżempju tal-Appostli u, fil-possibbiltà li naqsmu mal-oħrajn il-ġid tagħna, naraw xhieda konkreta tal-komunjoni li ngħixu fil-Knisja! U hawn nagħmel tiegħi l-eżortazzjoni ta’ San Pawl, meta stieden lill-Korintin jiġbru għall-komunità ta’ Ġerusalemm: “għax dan ikun jaqblilkom” (2 Kor 8:10). Dan jgħodd b’mod speċjali fir-Randan, li tulu ħafna organizzazzjonijiet jagħmlu ġbir b’risq il-Knejjes u l-popli f’diffikultà. Imma kemm nixiteq li anki fir-relazzjonijiet tagħna ta’ kuljum, quddiem kull wieħed u waħda minn ħutna li jitlobna xi għajnuna, naraw f’dan sejħa tal-Providenza divina: kull karità hi okkażjoni biex nieħdu sehem fil-Providenza ta’ Alla ma’ wliedu; u jekk hu llum qed jinqeda bija biex nieħu ħsieb ta’ ħija, għada kif ma jipprovdix ukoll għall-ħtiġijiet tiegħi, hu li ma jħalli lil ħadd jgħaddih fil-ġenerożità?[6]

    Is-sawm, fl-aħħar nett, idgħajjef il-vjolenza tagħna, iżarmana, u hu okkażjoni importanti biex nistgħu nikbru. Minn naħa, jippermettilna nduqu dak li għaddejjin minnu dawk li jonqoshom imqar l-iktar meħtieġ u jafu x’inhu l-qrid ta’ kuljum minħabba l-ġuħ; min-naħa l-oħra, jesprimi l-qagħda tar-ruħ tagħna, imġewħa għat-tajjeb u għatxana għall-ħajja ta’ Alla. Is-sawm iġibna f’sensina, jagħmilna iżjed attenti għal Alla u għall-proxxmu, jerġa’ jqajjimna għar-rieda li nobdu lil Alla li, waħdu, jista’ jaqta’ l-ġuħ tagħna.

    Nixtieq li l-leħen tiegħi jasal lil hemm mill-konfini tal-Knisja Kattolika, biex jilħaq lilkom ilkoll, bnedmin ta’ rieda tajba, miftuħa biex tisimgħu lil Alla. Jekk bħalna intom imnikkta minħabba l-mod kif f’qasir żmien qed titniġġes id-dinja, u tħassibkom il-kesħa li qed tipparalizza l-qlub u l-azzjonijiet, jekk qed taraw jonqos is-sens ta’ umanità komuni, ingħaqdu magħna biex flimkien insejħu lil Alla, biex flimkien insumu, u flimkien magħna tagħtu dak li tistgħu biex ngħinu lill-aħwa!

    In-nar tal-Għid

    Fuq kollox, nistieden lill-membri tal-Knisja biex b’żelu jaqbdu din il-mixja tar-Randan, imwieżna mill-karità, mis-sawm u mit-talb. Jekk xi drabi l-imħabba donnha qed tintefa f’ħafna qlub, żgur li mhux jiġri hekk fil-qalb ta’ Alla! Hu jagħtina dejjem okkażjonijiet ġodda biex nistgħu nibdew inħobbu mill-ġdid.

    Din is-sena okkażjoni tajba se jkun ukoll l-inizjattiva “24 siegħa għall-Mulej”, li tistedinna niċċelebraw is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni f’kuntest ta’ adorazzjoni Ewkaristika. Fl-2018 din sa tinżamm il-Ġimgħa 9 u s-Sibt 10 ta’ Marzu, imnebbħa mill-kelmiet tas-Salm 130:4: “Għandek hemm il-maħfra”. F’kull djoċesi, almenu knisja waħda tibqa’ miftuħa għal erbgħa u għoxrin siegħa konsekuttiva, biex toffri l-possibbiltà tat-talb ta’ adorazzjoni u tal-Qrar sagramentali.

    Fil-lejl tal-Għid ngħixu mill-ġdid ir-rit suġġestiv tal-mixegħla tal-blandun: mixgħul min-“nar il-ġdid”, id-dawl naqra naqra jibda jkeċċi d-dlam u jdawwal lill-ġemgħa liturġika. “Id-dawl ta’ Kristu, li qam glorjuż mill-imwiet, mill-qalb u l-fehma tagħna jkeċċi d-dlamijiet”,[7] biex ilkoll nistgħu ngħixu mill-ġdid l-esperjenza tad-dixxipli ta’ Għemmaws: jekk nisimgħu l-kelma ta’ Alla u nitrejqu bil-Ħobż tal-Ewkaristija, il-qalb tagħna tkun tista’ terġa’ lura għall-ħeġġa tal-fidi, it-tama u l-imħabba.

    Minn qalbi nberikkom u nitlob għalikom. Tinsewx titolbu għalija.

    Franġisku


    [1] Missal Ruman, L-I Ħadd tar-Randan, Talba tal-Kolletta.

    [2] “Lo ’mperador del doloroso regno / da mezzo ’l petto uscia fuor de la ghiaccia” (Inferno XXXIV, 28-29).

    [3] “Hija ħaġa kurjuża, imma spiss nibżgħu mill-faraġ, milli nkunu mfarrġa minn Alla. Anzi, aktar inħossuna nafu fejn qegħdin fid-dwejjaq u fin-niket. Tafu għalfejn? Għax fid-dwejjaq inħossuna l-protagonisti! Iżda fil-faraġ il-protagonista huwa l-Ispirtu s-Santu!” (Angelus, 7 ta’ Diċembru 2014).

    [4] Nri 76-109.

    [5] Ara Benedittu XVI, Ittra enċiklika Spe salvi, 33.

    [6] Ara Piju XII, Ittra enċiklika Fidei donum, III.

    [7] Missal Ruman, Velja tal-Għid, Mixegħla tad-dwal.