Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Is-silta tal-Evanġelju ta’ dal-Ħadd (cfr Mt 11,25-30) hi maqsuma fi tliet partijiet: qabel xejn Ġesù jinseġ innu ta’ barka u radd il-ħajr lill-Missier għax wera l-misteru tas-Saltna lill-foqra u liċ-ċkejknin; imbagħad jikxef ir-relazzjoni intima li hemm bejnu u l-Missier; u fl-aħħar jistedinna mmorru għandu u nimxu warajh biex insibu s-serħan.
L-ewwelnett, Ġesù jfaħħar lill-Missier għax is-sigrieti tas-Saltna tiegħu, tal-verità tiegħu, żammhom mistura “minn min għandu l-għerf u d-dehen” (v. 25). Isejħilhom hekk b’ċertu ironija għax huma jidhrilhom li dehenin, għorrief u għalhekk għandhom qalbhom magħluqa, bosta drabi. L-għerf veru jiġi mill-qalb ukoll, mhux biss li wieħed jifhem ċertu ideat: id-dehen veru jidħol fil-qalb ukoll. U jekk inti taf ħafna imma qalbek magħluqa int mintix għaref. Il-misteri ta’ Missieru Ġesù jurihom ‘liċ-ċkejknin’, lil kull min hu miftuħ bil-fiduċja għall-Kelma tas-salvazzjoni tiegħu, lil kull min jiftaħ qalbu għall-Kelma tas-salvazzjoni, iħoss li jeħtieġ lilU u jistenna kollox mingħandu. Il-qalb miftuħa u mimlija fiduċja fil-Mulej.
Imbagħad Ġesu jispjega li Hu kien irċieva kollox mingħand il-Missier u jsejjaħlu “Missieri”, biex jafferma r-relazzjoni ewlenija li għandu miegħu. Infatti hu biss bejn l-Iben u l-Missier li hemm din ir-reċiproċità: wieħed jaf lill-ieħor, wieħed jgħix fl-ieħor. Imma din l-għaqda ewlenija tixbaħ fjura li twarrad, biex bil-gratwità turi sbuħitha u tjubitha. Hekkhi allura, l-istedina ta’ Ġesù: “Ejjew għandi…” (v. 28). Hu jrid jagħti dak li jixrob mingħand il-Missier. Irid itina l-verità u l-verità ta’ Ġesù hi dejjem b’xejn: hi rigal, hija l-Ispirtu s-Santu, il-Verità.
L-istess kif il-Missier għandu preferenza “għaċ-ċkejknin”, bl-istess mod Ġesù jdur lejn “l-għajjienin u l-maħqurin”. Anzi. Hu jidħol bejniethom, għaliex Hu “umli u ta’ qalb ħelwa” (v. 29), hekk jiddeskrivi lilu nnifsu. L-istess kif hemm fl-ewwel u fit-tielet Beatitudni, dik tal-umli u l-fqar fl-ispirtu; u dik ta’ min hu ta’ qalb ħelwa (cfr Mt 5,3.5): il-qalb ħelwa ta’ Ġesù. Hekk Ġesù, ta’ qalb ħelwa u umli, mhwiex mudell għal min hu rassenjat inkella sempliċiment vittma, imma huwa l-Bniedem li jgħix “minn qalbu” dil-qagħda bi trasparenza sħiħa mal-imħabba tal-Missier, jiġifieri l-Ispirtu s-Santu. Huwa l-mudell “tal-foqra fl-isirtu” u “tal-imberkin” kollha tal-Evanġelju, li jagħmlu r-rieda t’Alla u jixhdu s-Saltna tiegħu.
Imbagħad Ġesù jgħid li jekk immorru għandu nsibu s-serħan: “is-serħan” li joffri Kristu lil min għajjien u maħqur mhux tant serħan psikoloġiku jew xi ftit tqassim tal-karità, imma huwa l-ferħ tal-foqra li jkunu evanġeliżżati u bennejja ta’ umanità ġdida. Dan hu s-serħan: il-ferħ, l-hena li jtina Ġesù. Hu uniku, huwa l-ferħ li għandu Huwa nnifsu. Huwa messaġġ għalina lkoll, għall-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, li Ġesù għadu jagħti lid-dinja tal-lum li tgħolli li min hu għani u setgħan. Kemm drabi aħna ngħidu: “Ah, nixtieq inkun bħal dak, bħal dik, li huma għonja u għandhom tant setgħa, ma jonqoshom xejn!” Id-dinja tgħolli li min hu għani u setgħan, ma jimpurtahiex kif sar hekk, u kultant tikkalpesta l-persuna umana u d-dinjità tagħha. U dan aħna narawh kuljum, il-foqra mgħaffġin taħti is-saqajn. U huwa messaġġ lill-Knisja, imsejħa biex tgħix l-opri tal-ħniena u tevanġeliżża lill-foqra, tkun ta’ qalb ħelwa, umli. Hekk iridha tkun il-Knisja tiegħu, jiġifieri aħna, il-Mulej.
Marija, l-aktar waħda umli u l-aktar kreatura għolja, titlob ħerqana lil Alla għalina biex ikollna d-dehen fi qlubna sabiex nagħrfu niddixxernu is-sinjali tiegħu f’ħajjitna u nkunu sehem mill-misteri li, huma moħbija għall-kburin, u jintwerew lill-umli.
Wara l-Anġelus
Għeżież ħuti,
dil-ġimgħa l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda addotta Riżoluzzjoni bi tħejjija għal xi miżuri biex jaffrontaw il-konsegwenzi diżastrużi tal-Covid-19, partikolarment fiż-żoni li huma teatru tal-kunflitti. Ta’ min ifaħħar is-sejħa biex jieqaf il-ġlied fuq skala globali u minnufih, li jkun ta’ fejda għall-paċi u s-sigurezza li huma indispensabbli biex tasal l-għajnuna umanitarja meħtieġa b’urġenza kbira. Nawgura li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ b’effett u bla telf ta’ żmien għall-ġid ta’ tant persuni li qed isofru. Jalla dir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tkun l-ewwel pass kuraġġuż għal ġejjieni ta’ paċi.
Insellem, minn qalbi lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi differenti. Insellem b’mod partikolari lill-Pollakki, merħba!, u nbierek lill-pellegrinaġġ il-kbir tal-familja ta’ Radju Marija li se jsir fis-santwarju ta’ Częstochowa, nhar is-Sibt li ġej, fiċ-ċentinarju tat-twelid ta’ San Ġwanni Pawlu II, bil-motto “Kollox nafdaw f’dejn Marija”. Barka fuq dak il-pellegrinaġġ.
U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber