L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Nistgħu nifhmu aħjar l-ewwel żewġ parabboli li jagħtina Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Mattew kapitlu 13, fid-dawl anke tar-rakkont sabiħ li smajna fl-ewwel qari. David miet u bħala sultan warajh, il-Mulej jagħżel lil Salamun, li fil-ħolm ikollu dan id-djalogu mal-Mulej. Il-Mulej jagħmillu mistoqsija, li tista’ tkun ukoll mistoqsija li għamel lill-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna: “Itlobni xi ħaġa x’nagħtik” (1 Slat 3:5).
Dan id-djalogu huwa parti anke mill-mitoloġija tal-bnedmin. Niftakru, pereżempju, l-istorja ħelwa ta’ Aladdin li jsib din l-imnara, dan il-musbieħ, u jogħrku u joħroġ dan l-ispirtu li jagħmillu l-istess mistoqsija: “Itlobni xi ħaġa x’nagħtik”. Għaliex ir-risposta għal din il-mistoqsija, iżjed milli turi kemm hu qawwi min qed jagħmilielek, turi min inti. F’ħajtek x’tixtieq verament? Din hija mistoqsija li l-Mulej illum qed jagħmel lili u lilek: “Itlobni xi ħaġa x’nagħtik”. F’ħajtek x’tixtieq?
Teżor moħbi
Salamun jammetti li għadu żagħżugħ, li għandu responsabbiltà kbira ħafna u ma jagħżilx li jitolbu flus, poter jew il-qerda tal-għedewwa tiegħu. Imma r-risposta ta’ Salamun hija risposta ta’ żagħżugħ għaref. “Agħti għalhekk lill-qaddej tiegħek moħħ li malajr jifhem biex jista’ jmexxi l-poplu tiegħek u jagħraf it-tajjeb mill-ħażin” (1 Slat 3:9).
F’kelma waħda x’talab Salamun? Ħa ngħidu kelma tqila imma nippruvaw nifhmuha. Talab id-don tad-dixxerniment, jiġifieri li tkun kapaċi tagħżel it-tajjeb mill-ħażin, imbagħad tagħżel it-tajjeb. Għax inti tista’ tgħid: “Din tajba, din ħażina imma jogħġobni l-ħażin u nagħżlu”. Il-bniedem ukoll hu maħluq liberu biex jagħżel il-ħażin għax kieku mhux liberu. Imma l-għerf huwa li tagħraf it-tajjeb mill-ħażin u tagħżel it-tajjeb.
Ġesù, fix-xbihat li jagħti minn tlieta, l-ewwel tnejn jitkellmu dwar xi ħadd li jsib xi ħaġa prezzjuża, teżor moħbi, ġawhra fina ħafna li tiżboq lill-oħrajn kollha, xi ħaġa li wieħed jiskopri forsi mingħajr ma kien jistenna fl-ewwel każ ta’ dak li kien qed jaħdem fl-għalqa u sab teżor moħbi. Imma l-merkant tal-ġawhar kien qed ifittex u sab dik li kienet tiswa x-xogħol ta’ ħajtu kollha, sab waħda tiswa ħafna. Mar ibigħ kulma kellu u xtara lilha (Mt 13:46). Hekk ukoll ir-raġel li sab it-teżor moħbi fl-għalqa, kollu ferħan imur ibigħ kulma jkollu u jixtri dik l-għalqa (Mt 13:44).
Il-Mulej qed jgħidilna li s-saltna hi għalina ġawrha sabiħa; hija teżor li se ġġibilna l-ferħ u l-paċi
Il-Mulej qed jgħidilna li meta ssib it-tajjeb, meta l-Mulej jagħtik il-grazzja li tagħraf bejn it-tajjeb u l-ħażin, kollok ferħan, itlaq kollox u agħżel it-tajjeb. Dak li se jeqridna, fuq lat personali jew soċjali, jidher illellex ħafna imma mhux kulma jleqq huwa deheb. Id-deheb fin trid tkun taf tagħrfu u mbagħad tagħżlu. Il-Mulej qed jgħidilna li s-saltna hi għalina ġawrha sabiħa; hija teżor li se ġġibilna l-ferħ u l-paċi. Il-paċi tista’ tixtriha bil-flus? Le, ma tistax. Forsi tixtri s-sokor, forsi tixtri pjaċir li jgħaddi imma l-paċi ta’ qalbek ma tistax tixtriha. Tista’ inti tobgħod lil xi ħadd u jkollok il-paċi? Le. Tista’ tagħmillu l-ħsara imma l-paċi tiegħek tkun tliftha.
X’tixtieq verament? Il-Mulej qed jagħmillek din il-proposta li hija wkoll kważi provokazzjoni, qed jisfidana: imma inti x’tixtieq? Hu qed jagħtina risposta jew inkella parir għax mhux se jħassrilna l-libertà li tana. Jekk taf li l-paċi ta’ qalbek ġejja mit-tajjeb, mela taf x’għandek tagħżel u taf ukoll x’għandek tixtieq.
Il-ġudizzju tal-Mulej
L-aħħar tixbieha ta’ Ġesù, l-aħħar parabbola, hija dwar is-sajd. Aħna l-Maltin imdorrijin, kultant ingergru għax ma baqax ħut fil-baħar, imma s-sajd, anke fi żmien Ġesù, kien importanti għall-għajxien bħalma kienet ukoll il-kaċċa, u kienu jaqbdu minn kollox speċjalment meta jkollok ix-xibka li tkaxkar kollox bħalma jgħid l-Evanġelju stess (ara Mt 13:47). U peress li kellhom ir-regola li ċertu ħut biss seta’ jittiekel, allura kien ikollhom bżonn jagħmlu din l-għażla bejn il-ħut it-tajjeb u dak li ma jistax jittiekel.
Il-ġudizzju tal-Mulej huwa wkoll għażla. Il-Ħadd li għadda tkellimna fuq il-paċenzja tal-Mulej; jasal ukoll il-mument tal-ġudizzju. Imma l-mument tal-ġudizzju mhuwiex kastig ta’ xi ħadd aħrax, huwa sempliċement xi ħadd li jħobbok u li b’għafsa ta’ qalb se jkollu jirrispetta b’għafsa ta’ qalb l-għażliet tiegħek. Il-ferħ tal-Mulej hu li jbierek l-għażliet tajba li għamilna, imma peress li ma jistax ineħħilna l-libertà tagħna, allura jekk nagħżlu ħażin, se jirrispetta l-għażla tagħna. Ara kemm hi tremenda r-responsabbiltà tagħna. Għax Alla, li ħalaqna liberi, ma ħalaqniex taparsi liberi, imma tana l-kapaċità ngħidlulu ‘iva’ u hemmhekk insibu teżor kbir u s-saltna ta’ Alla, imma tana wkoll il-kapaċità li nirrifjutawh, ngħidulu: ‘ma rridekx’. Aħna li aħna tant dgħajfin, x’se nagħmlu? Nitolbuh il-grazzja li jagħtina l-għerf vera u li meta jsaqsina x’irridu, nirrispondu b’mod għaqli.
L-aħħar ħsieb tiegħi jmur għan-nanniet. Min jaf kemm-il darba n-nanniet ikollhom il-grazzja jgħallmu lin-neputijiet l-għerf tal-ħajja. “Isma minni, ibni, dik tieħodhiex, ma tgħoddx għalik. Isma minni ibni, is-sħab fl-ajru, isma minni ibni, tafdax biex ma tħallillx”. Il-qwiel ta’ missirijietna jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra u jgħallmuna nagħżlu t-tajjeb mill-ħażin.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Slat 3, 5.7-12
Salm: 118 (119), 57.72.76-77.127-128.129-130
Qari II: Rum 8, 28-30
Evanġelju: Mt 13, 44-52