Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-pandemija wrietna kemm aħna vulnerabbli u fl-istess ħin marbutin ma’ xulxin. Jekk ma niħdux ħsieb ta’ xulxin, ibda minn dawk l-iktar fil-bżonn, minn dawk li huma milquta l-aktar, inkluż il-ħolqien, ma nistgħux infejqu d-dinja.

Ta’ min ifaħħru l-impenn ta’ tant persuni li f’dawn ix-xhur qed jagħtu prova tal-imħabba umana u Nisranija lejn il-proxxmu, billi jiddedikaw ruħhom għall-morda anki b’riskju għal ħajjithom stess. Huma eroj. Madankollu, il-Coronavirus mhux l-unika marda li għandna niġġieldu, għax il-pandemija ħarġet għad-dawl mard soċjali usa’. Waħda minn dawn hi l-viżjoni mgħawġa tal-persuna, ħarsa li tinjora d-dinjità tagħha u l-karattru relazzjonali tagħha. Xi drabi nħarsu lejn l-oħrajn bħala oġġetti, biex nużawhom u narmuhom. Fir-realtà, din it-tip ta’ ħarsa tagħmi, u trewwaħ kultura tal-iskart individwalista u aggressiva, li tibdel lill-bniedem f’oġġett ta’ konsum (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 53; Enċiklika Laudato si’, 22).

Imma fid-dawl tal-fidi nafu li Alla jħares lejn ir-raġel u lejn il-mara b’mod ieħor. Hu ħalaqna mhux bħala oġġetti, imma bħala persuni maħbuba u li kapaċi nħobbu; ħalaqna fuq is-sura u x-xbieha tiegħu (ara Ġen 1:27). B’dan il-mod tana dinjità unika, stedinna ngħixu f’komunjoni miegħu, f’komunjoni ma’ ħutna, fir-rispett tal-ħolqien kollu. F’komunjoni, f’armonija, nistgħu ngħidu. Il-ħolqien hu armonija li fiha aħna msejħin ngħixu. U f’din il-komunjoni, f’din l-armonija li hi komunjoni, Alla jagħtina l-ħila li nnisslu u nħarsu l-ħajja (ara Ġen 1:28-29), li naħdmu u nieħdu ħsieb tal-art (ara Ġen 2:15; LS, 67). Nifhmu li ma nistgħux innisslu u nħarsu l-ħajja mingħajr armonija; għax neqirduha.

Ta’ dik il-ħarsa individwalista, dik li mhijiex armonija, għandna eżempju fil-Vanġeli, fit-talba li saret lil Ġesù minn omm id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni (ara Mt 20:20-28). Hi riedet li wliedha joqogħdu fuq ix-xellug u fuq il-lemin tas-sultan il-ġdid. Imma Ġesù ppropona tip ta’ viżjoni oħra: dik tal-qadi u tal-għotja tal-ħajja għall-oħrajn, u kkonfermaha meta dritt wara radd lura d-dawl lil żewġ għomja u għamilhom dixxipli tiegħu (ara Mt 20:29-34). Meta fil-ħajja nippruvaw nixxabbtu, inkunu superjuri għall-oħrajn, inkunu neqirdu l-armonija. Hija l-loġika tal-ħakma, ta’ min irid jiddomina fuq l-oħrajn. L-armonija hi ħaġa oħra: tfisser qadi.

Mela, ejjew nitolbu lill-Mulej jagħtina għajnejn attenti għal ħutna, speċjalment għal dawk li qed ibatu. Bħala dixxipli ta’ Ġesù ma rridux inkunu indifferenti u lanqas individwalisti, dawn huma ż-żewġ atteġġjamenti koroh kontra l-armonija. Indifferenti: jiena nħares band’oħra. Individwalisti: infittxu biss l-interess tagħna. L-armonija maħluqa minn Alla titlobna nħarsu lejn l-oħrajn, lejn il-bżonnijiet tagħhom, il-problemi tal-oħrajn, inkunu f’komunjoni. Irridu nagħrfu d-dinjità umana f’kull persuna, hi x’inhi r-razza, l-ilsien jew il-qagħda tagħha. L-armonija twasslek biex tagħraf id-dinjità umana, dik l-armonija maħluqa minn Alla, bil-bniedem fiċ-ċentru.

Il-Konċilju Vatikan II jisħaq li din id-dinjità hi inaljenabbli, għax “kien maħluq ‘sura u xbieha ta’ Alla’” (Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 12). Hi tinsab fil-bażi tal-ħajja soċjali kollha u tiddetermina l-prinċipji li bihom taħdem. Fil-kultura moderna, l-eqreb riferiment għall-prinċipju tad-dinjità inaljenabbli tal-persuna hi d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, li San Ġwanni Pawlu II sejħilha “kisba kbira fil-mixja twila u iebsa tal-ġeneru uman”,[1] u “waħda mill-ogħla espressjonijiet tal-kuxjenza umana”.[2] Id-drittijiet mhumiex biss individwali, imma anki soċjali; huma tal-popli, tan-nazzjonijiet.[3] Fil-fatt, il-bniedem, fid-dinjità personali tiegħu, huwa essri soċjali, maħluq xbieha ta’ Alla Wieħed u Tlieta. Aħna essri soċjali, għandna bżonn ngħixu f’din l-armonija soċjali, imma meta hemm l-egoiżmu, il-ħarsa tagħna ma tmurx fuq l-oħrajn, fuq il-komunità, imma terġa’ lura fuqna nfusna u dan jagħmilna koroh, kattivi, egoisti, u jeqred l-armonija.

Dan l-għarfien imġedded tad-dinjità ta’ kull bniedem għandu implikazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi serji. Il-ħarsien tal-aħwa u tal-ħolqien kollu bħala don milqugħ mill-imħabba tal-Missier iqanqal imġiba ta’ attenzjoni, ta’ għożża u ta’ stagħġib. Hekk min jemmen, huwa u jikkontempla l-proxxmu bħala ħuh u mhux bħala barrani, iħares lejh bi ħniena u empatija, mhux bi stmerrija jew mibegħda. U jekk jikkontempla d-dinja fid-dawl tal-fidi, wieħed iħabrek biex jiżviluppa, bl-għajnuna tal-grazzja, il-kreattività tiegħu u l-entużjażmu tiegħu biex isolvi t-traġedji tal-istorja. Jara u jiżviluppa l-ħiliet tiegħu bħala responsabbiltajiet li tgħabbih bihom il-fidi tiegħu,[4] bħala doni ta’ Alla biex iqegħidhom għas-servizz tal-umanità u tal-ħolqien.

Waqt li aħna lkoll qed naħdmu biex nikkuraw virus li qed jolqot lil kulħadd mingħajr distinzjoni, il-fidi ssejħilna biex inħabirku serjament u attivament ħalli nqaċċtu l-indifferenza quddiem il-vjolazzjonijiet tad-dinjità umana. Din il-kultura tal-indifferenza li ssieħeb il-kultura tal-iskart: dak li ma jmissnix ma jinteressanix. Il-fidi dejjem tesiġi minna li nfiqu u nikkonvertu mill-individwaliżmu tagħna, kemm dak personali u kemm dak kollettiv; individwaliżmu tal-partit, ngħidu aħna.

Ħalli l-Mulej “iroddilna d-dawl” biex niskopru mill-ġdid xi jfisser inkunu membri tal-familja umana. U jalla din il-ħarsa tinbidel f’għemejjel konkreti ta’ ħniena u rispett għal kull persuna u ta’ għożża u ħarsien tad-dar komuni tagħna.


[1] Diskors lill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda (2 ta’ Ottubru 1979), 7.

[1] Diskors lill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda (5 ta’ Ottubru 1995), 2.

[1] Ara Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 157. [1] Ibid.

Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard