-
-
It-22 t’Awwissu ġie rikonoxxut uffiċjalment mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda bħala l-Jum Internazzjonali li jfakkar lill-vittmi ta’ Atti ta’ Vjolenza minħabba r-Reliġjon jew t-Twemmin. Dan kien ir-riżultat ta’ riżoluzzjoni li għaddiet nhar it-Tlieta, 28 ta’ Mejju 2019 imressqa mill-Polonja bl-appoġġ tal-Istati Uniti tal-Amerka, il-Kanada, il-Brażil, l-Eġittu, l-Iraq, il-Ġordan, in-Niġerja u l-Pakistan.
L-Aid to the Church in Need (ACN) hija Fondazzjoni Internazzjonali Pontifiċja Kattolika ta’ karità u ilha aktar minn 70 sena tgħin lill-Kristjani li jbatu u li jiġu ppersegwitati. L-ACN tilqa’ din ir-riżoluzzjoni bħala l-ewwel pass biex dan il-fenomenu ta’ traġedja ta’ persekuzzjoni reliġjuża jingħata aktar attenzjoni – partikolarment il-vjolenza kontra l-Kristjani, li sal-lum huwa l-akbar grupp reliġjuż li qed jiffaċċja persekuzzjoni.
Dan narawh fl-isfond ta’ realtà traġika u huwa kkonfermat minn riċerki li jinsabu f’rapporti internazzjonali dwar il-libertà reliġjuża bħal dawk ippubblikati mill-United States Commission on International Religious Freedom (USCIRF), il-Pew Research Center, u l-ACN; fejn insibu żieda bla preċedent fil-vjolenza kontra l-fidili ta’ kważi kull reliġjon, f’kull kontinent – il-Kristjani jsofru l-akbar persekuzzjoni.
Meta kkummenta dwar dan l-iżvilupp, is-Sur Mark Riedemann, Direttur tal-Affarijiet Pubbliċi u l-Libertà Reliġjuża għall-ACN, innota li dan ir-rikonoxximent mill-Ġnus Magħquda huwa pass importanti, iżda huwa biss l-ewwel pass u l-bidu ta’ proċess lejn azzjoni ta’ pjan ikkordinat b’mod internazzjonali mill-Ġnus Magħquda u mill-istati membri li jaħdmu favur il-prevenzjoni – sabiex tintemm il-persekuzzjoni reliġjuża.Riedemann qal ukoll li tajjeb li jiġi kkunsidrat li titwaqqaf pjattaforma tal-Ġnus Magħquda ddedikata biex, pereżempju, rappreżentanti tal-gruppi ppersegwitati jew l-NGOs li jaħdmu magħhom, jistgħu jinvolvu ruħhom u jipprovdu informazzjoni mill-ewwel dwar is-sitwazzjoni tagħhom u l-isfidi li qed jiffaċċjaw.
Skont Riedemann dawn il-każijiet ta’ studju jservu bħala bażi biex jiġu identifikati tendenzi ta’ persekuzzjoni, min iwettaq dawn it-tipi ta’ atroċitajiet, kif joperaw u kif qed jiġu ffinanzjati, biex b’hekk ikun jista’ jiġi żviluppat pjan ta’ azzjoni mfassal apposta biex jipprevjeni atti bħal dawn fil-futur – jew atti bħal dawn ma jitħallewx jeskalaw għal atroċitajiet tal-massa, bħall-ġenoċidju.
Riedemann qal, “Huwa f’idejn l-istati u s-soċjetajiet ċivili li jiżguraw li din l-azzjoni simbolika tinbidel f’waħda sinifikanti. L-għan aħħari huwa li fil-futur ma jkunx hemm atti oħra ta’ persekuzzjoni reliġjuża.”
L-ACN qed tkompli tqajjem kuxjenza u għarfien dwar il-qagħda tal-Kristjani ppersegwitati u oppressi madwar id-dinja u tagħtihom appoġġ biex ikomplu jissaħħu fil-fidi u biex f’sitwazzjonijiet bħal dawn jibqgħu jgħixu b’tama. Grazzi għall-ġenerożità tal-benefatturi, l-ACN tiffinanzja aktar minn 5,000 proġett f’madwar 145 pajjiż kull sena. Daqskemm hu meħtieġ l-appoġġ finanzjarju, hekk ukoll huwa meħtieġ l-għarfien dwar it-tbatija tal-Kristjani, sabiex l-għajta tagħhom tinstema’, u t-tbatija tagħhom ma tintesiex.